Malta offriet li tibda tikkontribwixxi b’mod attiv fit-taħriġ tal-Kosta tal-Gwardja Navali Libjana, qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela. Diskussjonijiet fuq ir-rwol ta’ Malta fuq livell tekniku, saru fl-aħħar ġimgħat.
Il-Ministru kien qiegħed jindirizza panel taħt it-tema, ‘L-isfida tal-Migrazzjoni u t-tisħiħ tas-Solidarjeta’ Interna fl-Unjoni Ewropea’, organizzata il-Belt Valletta bħala parti mill- Konferenza Pre- Presidency organizzata mit-Trans European Policy Studies Association b’kollaborazzjoni mal-Istitut tal-Istudi Ewropej fl-Universita’ ta’ Malta.
L-Operazzjoni Sophia hija l-kontribuzzjoni militari tal-UE, għal approċċ komprensiv Ewropew bil-għan li jitkissru mudelli ta’ business kontra t-traffikar tal-persuni u s-salvataġġ tal-ħajjiet fin-naħa t’isfel tal-Mediterran. Sabiex tkompli tissaħħaħ l-abilta’ tal-Operazzjoni kontra dan it-tip ta’ network, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE, iddeċieda f’Ġunju li għadda li jżid aktar kompiti lil dan il-mandat, biex b’mod effettiv tkompli tikkontribwixxi għal bini tal-kapaċita’ u t-taħriġ tal-Gwarja tal-Kosta Navali Libjana u n-Navy Libjana u l-implementazzjoni tal-embargo tal-armi tal-UN, fuq il-baħar għoli fuq il-kosta tal-Libja.
Il-Ministru Abela irreferea għal-pożizzjoni fuq il-pakkett ta’ proposta leġislattiv tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jirriforma s-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil u qal li l-kriżi tal-migrazzjoni sfurzat l-Istati Membri tal-UE sabiex jaħdmu aktar viċin f’dan il-qasam.
Żied jgħid li wara li sar qbil fuq politika komprensiva ibbażata fuq sens ġenwin ta’ solidarjeta’, issa dan sar test ta’ kredibilita’ kemm għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Qal li matul il-Presidenza tal-UE, Malta se taħdem biex jintleħlaq kunsens.
Il-Ministru Abela irrimarka li Malta mhux biss qed titkellem fuq il-bżonn ta’ solidarjeta’ interna imma qed tmexxi b’eżempju. Din il-gżira in proporzjoni mal-kapaċitajiet tagħha qed tagħti is-sehem tagħha fejn tidħol ir-rilokazzjoni ta’ immigranti mill-Italja u l-Greċja. Suldati fi ħdan il-Forza qed isalvaw ħajjiet tal-persuni prattikalment kuljum.
In-numru ta’ applikazjonijiet għal ażil li daħlu Malta żdiedu bi 33% fis-sena 2015 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, in-numru ta’ l-ewwel applikazzjonijiet sottomessi laħqu 1,261 l-aktar minn persuni ta’ nazzjonalita’ Libjana u Eritreana.
Il-panel ta’ diskuzzjoni kien immexxi mill-Professur Jaap de Zwaan, is-Segretarju Ġenerali tat-TEPSA. Ħadu sehem ukoll il-Membri tal-Parlament Ewropew Marlene Mizzi, Roberta Metsola u Joanna Darmanin mill- EASO.