Fi żmien li ġej se jkunu qed joħorġu sejħiet ġodda għal imħallfin u maġistrati. Ħabbar dan fil-Parlament il-Ministru għal-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, fejn spjega li l-għan ewlieni ta’ din iż-żieda hi li tkompli tiżdied l-effiċjenza tal-Qorti, filwaqt li tissaħħaħ il-ġudikatura.
Fil-fatt, il-Ministru spjega li, fl-aħħar sena, anke kif tenna l-Prim Imħallef Mark Chetcuti stess, il-Gvern laqa’ t-talba li saret biex ikun hemm żieda fil-ġudikatura.
“Illum nista’ nikkonferma li hi l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli jkabbar il-korp tal-ġudikatura li diġà hu l-akbar wieħed fl-istorja. Fil-fatt, fiż-żmien li ġej se jkunu qed joħorġu sejħiet gradwali għal żieda ta’ mħallfin u maġistrati ġodda.”
Hu kompla li dan qed isir, waqt li kien qed jiġi diskuss abbozz ta’ liġi li hu intiż li jkompli jsaħħaħ l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru spjega li dan illum hu kompost minn erba’ sezzjonijiet, bi 23 prosekutur speċjalizzat fir-reati finanzjarji, 10 speċjalizzati fir-reati kontra l-persuna, 7 oħra speċjalizzzati fuq reati serji ta’ traffikar ta’ drogi u terroriżmu u 7 oħrajn fuq serq.
Hawn intqal li, minbarra s-sezzjoni tal-prosekuzzjonijiet, hemm ukoll sezzjonijiet oħrajn marbutin mal-assistenza legali reċiproka u koperazzjoni internazzjonali, mal-affarijiet tal-Unjoni Ewropea u riċerka u anke mal-inkjesti inġenerali.