“Titanic wara li ħabat mal-iceberg.” Din kienet id-deskrizzjoni li ta l-eks Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, David Spiteri Gingell, għall-istat diżastruż li kienet fih din l-entità nazzjonali fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti.
Dan waqt seduta oħra tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi.
L-eks Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, li serva fil-kariga bejn l-2007 u l-2008, tenna li kien hemm sitwazzjonijet diffiċli li wieħed ma setax ilaħħaq magħhom.
“Ifhem kien hemm issues ħa ngħidu hekk. L-Enemalta kienet it-Titanic wara li ħabtet mal-iceberg.”
Fil-fatt, f’dan ir-rigward Spiteri Gingell qal ukoll li l-Enemalta ma kellha l-ebda strateġija f’dawk iż-żminijiet.
“Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li, meta nitkellmu fuq l-enerġija, proġett ma jsirlekx f’sena. Inti trid tippjana miżerjament għaxar snin bil-quddiem. Dak il-ħsieb u l-ippjanar, fl-opinjoni tiegħi, għax meta wieħed jara x’sar wara Dellimara, li ma sar xejn prattikament, dak l-ippjanar ma kienx hemm.”
Kif inhu magħruf sew, is-sitwazzjoni sfortunatament ippersistiet sa tmiem il-leġiżlatura ta’ Gvern Nazzjonalista fil-bidu tal-2013, meta mbagħad kellu jkun Gvern ġdid Laburista li saħansitra salva minn falliment totali ta’ din l-entità fundamentali.
Sadanittant Spiteri Gingell irrimarka li, meta hu kien Kap Eżekuttiv, aktar minn ħmistax-il sena ilu, kellu diversi ideat u strateġiji biex l-Enemalta timxi ’l quddiem.
Però l-Ministeru tal-Finanzi, immexxi dak iż-żmien minn Tonio Fenech, għalaqlu l-bieb f’wiċċu u ma sar xejn minħabba li kienet ġejja l-Elezzjoni Ġenerali tal-2008, li l-Partit Nazzjonalista spiċċa jirbaħ b’1,500 vot maġġoranza.
“Il-Ministru tiegħi dejjem approva dak li jiena, bħala CEO, irrakkomandajt lill-bord u lill-bord jirrakkomanda l-ministru. Meta bdejna niġu biex nimplimentaw, bdejna neħlu mal-Ministeru tal-Finanzi jew kif inħobb insejħilha jiena South Street. Kollox on hold qabel ma ssir l-elezzjoni.”
Hu qal li wieħed mill-għanijiet tiegħu kienet li jagħlaq l-impjant tal-Marsa u jimmodernizza l-ġenerazzjoni tal-enerġija. Hu semma wkoll l-introduzzjoni tal-interconnector bħala importanti ħafna, minħabba l-iżolament ta’ Malta u d-dipendenza kbira fuq l-impjant tal-Marsa.
Spiteri Gingell tenna li, ironikament, wara li rriżenja mill-Enemalta, dawk l-istrateġiji li ressaq ’il quddiem kien beda proċess biex jiġu implimentati.
Anke jekk, kif inhu magħruf ukoll, dawn il-pjani kienu weħlu biss sa fuq il-karta sal-2013, u, mill-ġdid, kellu jkun Gvern Laburista li jagħlaq, darba għal dejjem, l-impjant tal-powerstation tal-Marsa u biex isiru l-applikazzjonijiet neċessarji ħalli pajjiżna llum igawdi mill-ewwel interconnector ma’ Sqallija.
Fis-snin li għaddew ukoll inbdew il-proċessi għat-tieni interconnector u anke pipeline tal-gass u l-idroġenu.