“Il-mexxejja dinjija ma jistgħux jinjoraw il-problema tal-immigrazzjoni. Dak it-tifel jew tifla li naraw fir-ritratti bejn ħajja u mewt huma r-riżultat ta’ nuqaas ta’ solidarjetá minn pajjiżi differenti.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-President Marie Louise Coleiro Preca f’konferenza dwar l-immigrazzjoni, bit-tema ta’ Lost in migration.
Liema konferenza qed tiffoka fuq it-tfal immigranti li ntilfu tul il-vjaġġ tagħhom, vjaġġ li kellu jwassalhom għal futur aħjar. Fl-2015 biss, kienu 10,000 it-tifel u tifla li ntilfu fl-Ewropa u minn dawn kienu ftit li nstabu.
Dawk preżenti għall-konferenza, jemmnu li dan huwa riflessjoni tal-problemi kbar ta’ sigurtá, fosthom in-nuqqas ta’ informazzjoni, kundizzjonijiet miżeri tal-immigranti, burokrazija fil-proċeduri tal-protezzjoni u nuqqas ta’ ko-ordinazzjoni fuq livell nazzjonali u mal-fruntiera.
Fi kliemhom dawn il-fatturi jżidu t-traffikar tal-bnedmin u l-immigrazzjoni. F’din il-konferenza tul il-jum tal-Ħamis u l-Ġimgħa se tkompli tiddiskuti din ir-realtá, bl-għan li dawk preżenti jgħaddu l-ħsibijiet tagħhom u jsemmgħu leħinhom.