Il-Prim Ministru Robert Abela llum se jindirizza t-Trans-Mediterranean Migration Forum fi Tripli, fil-Libja fuq stedina tal-Gvern Libjan.
Dan il-Forum isegwi laqgħat bilaterali li l-Prim Ministru Malti kellu ma’ dak Libjan Abdul Hamid Dbeibeh u mal-President tal-Kunsill Presidenzjali Libjan Mohamed al-Menfi.
Fi tmiem it-taħdidiet ma’ Dbeibeh, Dr Abela iffirmar estensjoni ta’ ftehim dwar l-immigrazzjoni, li diġà ħalla riżultati importanti fit-tnaqqis ta’ wasliet ta’ immigranti fl-aħħar snin permezz ta’ ħarsien akbar tal-fruntieri u li waqqaf tluq ta’ immigranti mix-xtut Libiċi.
Fil-Forum dwar l-immigrazzjoni, li għalih ħa jattendu pajjiżi Ewropej, il-Kummissjoni Ewropea u pajjiżi Afrikani, il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss se jindirizza l-Forum iżda mistenni jitkellem f’laqgħat ma’ Mexxejja oħra.
Għall-Forum fi Tripli għandhom jattendu wkoll il-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni, il-Prim Ministru tat-Tuneżija Ahmed Hachani u l-President taċ-Chad Mahamat Déby, fost Mexxejja oħra.