Fi tmiem il-ġimgħa, l-aġenzija Infrastruttura Malta se tkun qed tiftaħ mill-ġdid Vjal Santa Luċija jew kif inhi magħrufa t-telgħa tal-Addolorata, lejn id-direzzjoni tan-naħa t’isfel tal-pajjiż.
Din hija triq arterjali bejn il-flyovers il-ġodda tal-proġett tal-Marsa u l-mini ġodda li qed jinbnew taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija.
Din il-karreġġjata li hija itwal minn kilometru tibda minn flyover fit-telgħa tal-Addolorata u tiftaħ b’żewġ korsiji mill-Marsa għal Santa Luċija.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jinfetħu ukoll iż-żewġ korsiji ta’ din it-triq fid-direzzjoni opposta minn Santa Luċija għal Marsa.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal kif dan huwa proġett importanti, hekk kif huwa kuritur importanti għan-nofsinhar tal-pajjiż.
Il-Ministru Borg stqarr, “Sal-aħħar tas-sena dan il-Gvern, Infrastructure Malta u l-Ministeru li jien immexxi se nkunu qed inkunu qed nagħtu l-proġett tal-Marsa b’seba’ flyovers iżda anke dawn il-mini ta’ Santa Luċija.”
Fl-istess konferenza tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewopej Stefan Zrinzo Azzopardi.
Huwa qal kif dan il-proġett se jgħin l-infrastruttura tal-pajjiż u se jkun qed inaqqas l-emissjonijiet u l-ħin ta’ stennija.
“Proġett li se jkun qed iwassal għal nefqa ta’ €18-il miljun ikkofinanzjati mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea, li se jkun qed ifisser mhux biss wieħed mill-ikbar miżuri ta’ infrastruttura li sar fin-naħa t’isfel ta’ Malta, li se jbiddel u se jtejjeb il-kwalitá tal-ħajja tan-nies.” Sostna s-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi.