“Inħarsu ’l quddiem lejn żmien eċċitanti bl-irkupru ekonomiku tal-pandemija.”
Dan kien kliem il-Prim Ministru Malti, Robert Abela fi tmiem summit tal-Kunsill Ewropew li kien mifrux fuq jumejn fi Brussell.
Dwar l-irkupru ekonomiku tal-Unjoni Ewropea, f’dak imsejjaħ bħala ‘Next Generation EU’, il-mexxejja Ewropej qablu kif dan il-pjan ta’ rkupru ekonomiku għandu jkun imsejjes fuq it-tranżizzjoni ambjentali u dik diġitali.
Waqt dan il-Kunsill Ewropew, il-mexxejja tal-istati membri tkellmu dwar l-immigrazzjoni, fejn hawnhekk qablu kif l-Unjoni Ewropea se tkompli tintensifika l-koperazzjoni mal-pajjiżi minn fejn jiġu l-immigranti fil-pajjiżi Ewropej.
Il-Kunsill qabel sabiex il-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib mal-istati membri sabiex sal-aħħar ta’ din is-sena jkun hemm pjan ta’ azzjoni għal dawn il-pajjiżi minn fejn jiġu l-immigranti.
Il-mexxejja qablu li dan isir sabiex ma jkunx hemm telf ta’ ħajjiet u sabiex tonqos il-pressjoni minn fuq il-fruntiera tal-Ewropa.
Dwar il-Libja, il-Kunsill Ewropew ta l-appoġġ tiegħu lejn il-pjan ta’ paċi fil-Libja, li se jwassal biex ikun hemm elezzjoni fl-24 ta’ Diċembru li ġej.
Dwar dan is-suġġett, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif pajjiżna għandu jkompli jsaħħaħ il-vuċi tiegħu mal-istituzzjonijiet Ewropej.
“Jiġifieri jekk tħaddidna dwar it-tema tal-Libja, hemmhekk konna ġewwa l-Unjoni Ewropea u poġġejna d-diversi perspettivi tal-Libja, id-diffikultajiet li għaddejjin minnhom hija stess, imma wkoll x’kapaċi toffri l-Libja u għalhekk nemmen li dan l-ispirtu ta’ Malta bħala vuċi b’saħħtiha fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej irridu nibqgħu nsaħħuh u hemmhekk iridu nħarsu ‘l quddiem ukoll għal żmien li ngħid li huwa wieħed eċċitanti għaliex qed inħares ħafna lejn ix-xhur li ġejjin, l-irkupru post-pandemic recovery u nħarsu lejn aktar affarijiet tajbin lejn pajjiżna.”
Dan is-summit tal-Kunsill Ewropew kien ikkarratterizzat minn batibekki dwar il-liġi kontroversjali kontra l-LBTIQ fl-Ungerija mmexxija minn Viktor Orbán.
Dwar dan Dr Abela tkellem kif huwa kburi li f’dan il-qasam pajjiżna jinsab fuq quddiem.
“Kwistjoni ta’ drittijiet ċivili wkoll fil-kuntest tal-emendi fil-liġijiet li għamlet l-Unġerija, li jolqtu d-drittijiet ċivili. Kienet diskussjoni taħraq hemmhekk illi tara kemm dan l-aspett jibqa’ wieħed tant importanti u kburi li pajjiżna fil-qasam tad-drittijiet ċivili dejjem kienu fuq quddiem nett, kien champion ta’ dawn id-drittijiet.”
Fil-fatt qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ ħmistax-il mexxej Ewropew ieħor, iffirma ittra ta’ dikjarazzjoni b’saħħitha favur id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+.