Nhar il-Ġimgħa 27 u s-Sibt 28 ta’ Ottubru Sport Malta se tkun qed torganiżża it-tieni edizzjoni tal-Forum Nazzjonali tal-iSport. It-tema tal-forum se tkun ‘Lejn twaqqif professjonali’ u se jittella’ fil-lukanda The Palace tas-Sliema.
Dan il-forum se jservi sabiex organiżżazzjonijiet sportivi jiddiskutu bejniethom temi relatati mal-isport filwaqt li jaqsmu ideat u r-realtajiet li jiltaqgħu magħhom fid-dixxiplini rispettivi.
Fl-istess ħin se titwassal informazzjoni fuq suġġetti varji, b’mod speċjali dwar ideat innovattivi fuq kif jista’ jittejjeb il-livell tal-isport f’pajjiżna, il-kummerċjaliżżazzjoni tal-faċilitajiet sportivi u l-ħidma tal-akkademji sportivi.
Se tigi indirizzata wkoll l-importanza ta’ kollaborazzjoni kontinwa u parallela bejn il-partijiet interessati fil-qasam sportiv.
Il-forum se jkun indirizzat minn kelliema lokali u anke barranin li se jaqsmu l-esperjenza tagħhom fil-qasam sportiv.
Fost il-kelliema barranin jispikka John Steele, personalità prominenti tal-isport fir-Renju Unit. Steele kien wieħed mill-uffiċjali tar-Rugby Union ingliża meta fl-2003 l-Ingilterra rebħet it-Tazza tad-Dinja. Aktar tard serva bħala kap eżekuttiv ta’ UK Sport, organiżżazzjoni li kellha l-għan li ttejjeb il-livell tal-atleti brittanniċi fil-logħob olimpiku ta’ Beijing fl-2008 u waslet għar-rebħ rekord ta’ midalji minn Team Britain fl-edizzjoni ta’ Londra fl-2012.
Kelliema oħra se tkun Sheelagh Quinn minn Sport Ireland li għandha esperjenza kbira fil-coaching tat-tfal. Kienet strumentali f’bosta proġetti internazzjonali fosthom fil-programm edukattiv iCoachKids.
Il-forum se jkun indirizzat ukoll minn Guy Taylor li ilu direttur tat-Talented Athlete Scholarship Scheme sa mit-twaqqif tagħha. Organiżżazzjoni li għal dawn l-aħħar ħmistax –il sena, permeżż tad-Dual Career Programme, għenet eluf ta’ atleti li apparti l-karriera sportiva għandhom karriera ohra ta’ xogħol professjonali. F’dawn l-aħħar snin, Taylor ikkollabora ma’ bosta gvernijiet u entitajiet fosthom l-Unjoni Ewropeja u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.
Il-kelliema lokali f’dan il-forum se jkunu Dr Andrew Decelis, Pierre Cassar, Sandro Micallef, Dr Chris Bonett, Robert Portelli, Charlene Attard u Rose Marie Mercieca.
Il-ftuħ tal-forum se jsir il-Ġimgha fil-ħamsa ta’ filgħaxija mis-segretarju parlamentari għaż-żagħzagħ, sports u organiżżazzjonijiet volontarji Clifton Grima.
Fis-sessjoni tal-Ġimgħa se jiġu diskussi r-rwoli tal-coaches u l-ġenituri fil-kamp sportiv, il-kummerċjaliżżazzjoni tal-faċilitajiet sportivi u anke l-ħidma tal-akkademji.
Is-sessjoni tas-sibt tibda fid-disgħa u nofs ta’ filgħodu u tiffoka fuq x’għandha tkun it-triq ‘il quddiem għall-organiżazzjonijiet sportivi lokali. Se jigu diskussi wkoll l-istrategiji li jwasslu għal karriera sportiva ta’ suċċess u l-isfidi li jiffaċjaw dawk l-atleti li filwaqt li jitħarrgu professjonalment fl-isport għandhom ukoll ix-xogħol professjonali tagħhom. Dejjem is-sibt l-għaqda ġurnalisti sports se tkun qed tiddiskuti ma’ dawk kollha preżenti r-rwol tal-media sportiva.
Kull min jattendi għal forum se jkun ippreżentat b’ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.