Ta’ kuljum, membri u voluntiera mis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar iwettqu ħidma sfieqa biex iħarsu s-sigurtà tal-għawwiema u dawk li jkunu fuq id-dgħajjes.
Fix-xhur tas-sajf, meta n-nies jikkonkorru aktar għall-baħar, id-domanda għall-assistenza medika li toffri din is-soċjetà f’bosta bajjiet madwar il-pajjiż, tiżdied.
Taħt xemx taqli l-ankri u f’baħar kemmxejn imqalleb, crew ta’ ONE News ħareġ fuq dinghy ta’ salvataġġ isegwi l-ħidma li titwettaq mill-membri tas-soċjetà, biex jipprevjenu inċidenti li jistgħu jseħħu ’l barra miż-żona tal-għawm.
Fuq il-baħar intervistajna lil Sam Bilham, kaptan mas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar, li spjega kif kull sajf qed jaraw iktar inċidenti, frott żieda ta’ nies li joħroġu bid-dgħajjes u jetskis.
Qal, “Jet Ski accidents, we’ve already had two accidents in the last couple of weeks and unfortunately it’s not good. We also had recently a jet ski going through a reef and unfortunately the person was very badly injured and we did everything we could with Transport Malta and AFM.”
Fl-isfond tal-intervista, instemgħet fuq ir-radju nawtiku l-kelma ‘Mayday’ – proċedura li tintuża biex tindika li fuq il-baħar hemm persuna jew persuni li sabu ruħhom fi stat ta’ emerġenza.
Mill-Għadira, il-Kaptan tad-dinghy dlonk qabad id-direzzjoni lejn l-inħawi tal-Qawra fejn dehret daħna sewda fuq il-baħar.
F’Ta’ Fra Ben f’Buġibba, dgħajsa splodiet waqt li kien hemm erbgħa min-nies u kelb fuqha.
Il-persuni li kienu fuq id-dgħajsa involuta fl-inċident kienu pronti u qabżu l-baħar biex telgħu fuq dgħajsa ta’ nies oħra li kienu fil-qrib.
Kif juru l-filmati esklussivi ta’ ONE NEWS, dlonk bdiet operazzjoni biex in-nies jingħataw il-kura, fejn il-membru tar-Red Cross qabeż għal fuq id-dgħajsa biex jassisti lil dawk involuti fl-inċident.
Waħda min-nisa sofriet xi ħruq f’sieqha u oħra kienet taħt xokk. Huma ttieħdu fuq l-art u ssejħu żewġ ambulanzi b’tim mediku. Aktar tard, il-Pulizija kkonfermaw li dawn ma sofrew l-ebda ġrieħi gravi u għalhekk irrifjutaw li jmorru l-isptar għall-kura.
Il-crew ta’ ONE News baqa’ fuq id-dinghy tar-red Cross u segwa l-operazzjoni li skattat biex jintfew in-nirien u jitneħħa kull periklu, bis-sehem ta’ pumpiera tal-Protezzjoni Ċivili u suldati bil-lanċa tat-Taqsima Marittima t’Għawdex u l-lanċa ta’ Transport Malta.
Mument emozzjonanti kien ukoll meta sid id-dgħajsa involuta fl-inċident, imbikkem, raha tegħreq f’nofs ta’ baħar, u qal li meta sema’ l-isplużjoni għamel minn kollox biex jitfi n-nar, iżda kien kollu għalxejn.
F’dan l-inċident kollox intemm b’wiċċ il-ġid, iżda Sam Bilham mis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar kellu messaġġ għal dawk kollha li jmorru fuq il-baħar.
Qal, “Stay safe, have fun and please be very careful. The sea is very dangerous so we would try everything we can to be there, unfortunately we cannot be everywhere but we will try our best and we have a very good team of Red Cross.”