Bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd li ġejjin il-maratona IL-MISSJONI BŻONNOK, bit-tema ”AGĦTI TAMA LIT-TFAL TAL-MISSJONI”, se tkun qed tidħol fi djarkom permezz ta’ ONE li jingħaqad ma’ numru ta’ stazzjonijiet televiżivi lokali, u tappella għall-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin biex permezz tat-telefonata tagħhom, għadd ta’ missjunarji Maltin ikunu jistgħu jgħinu ammont kbir ta’ tfal u familji li jgħixu fil-faqar u l-miżerja f’pajjiżi tal-missjoni. Proprju f’din is-sena tal-Ġublew tat-Tama, ikunu jistgħu, permezz tat-telefonata tagħhom, jagħtuhom tama ġdida. Tama ta’ ikel nutrittiv u ilma nadif, tama ta’ kura meta jkollhom bżonnha, u tama ta’ edukazzjoni li tiftħilhom il-bieb għal futur aħjar.
Minn din l-edizzjoni tal-maratona se jkunu qed jibbenefikaw ammont kbir ta’ benefiċjarji li wħud minnhom qed jistennew l-appoġġ neċessarju biex jibdew, ikomplu jew itemmu proġetti kbar ta’ fejda għal dawn in-nies foqra.
Fost oħrajn se nkunu qed ngħinu lill-patrijiet Sależjani biex jiġbru kemm jistgħu tfal mit-toroq perikolużi ta’ zoni foqra fin-Niġerja u jagħtuhom kenn u mħabba f’wieħed miċ-ċentri tagħhom. Se nkunu qed ngħinu lis-sorijiet Agostinjani biex jibqgħu jagħtu tama lit-trabi li jsibu abbandunati wara l-bieb tal-kunvent tagħhom f’pajjiżi bħall-Brażil u l-Filippini. Lill-organizzazzjoni Maltija Love & Peace li qed tieħu ħsieb orfanatrofju ġdid għal trabi ta’ ommijiet bi problemi fil-Kenja. Orfanatrofju li għadu kemm beda jilqa’ fih l-ewwel trabi u joffrilhom mhux biss saqaf fuq rashom imma wkoll l-għożża u l-imħabba li jistħoqqilhom biex jittamaw f’futur aħjar.
Se nkomplu ngħinu lill-missjunarju Għawdx Dun Ġużepp Camilleri li minkejja li qabeż l-età ta’ 90 sena għadu ma waqafx joħlom li jgħin familji foqra u bla dar fil-Gwatemala billi jipprovdilhom dar ġdida għalihom u għat-tfal tagħhom. Fil-Gwatemala wkoll se nkunu qed ngħinu missjunarju Għawdxi ieħor, lil Dun Anton Grech, fil-proġett tiegħu ta’ fran moderni – magħrufa bħala clean stoves – li jissostitwixxu l-foga u d-duħħan fi djar foqra ta’ komunità li tgħix fil-faqar assolut ta’ dak li jissejjaħ il-Garbage Village.
Se nkunu qegħdin niġbru ammont ta’ wheelchairs għal tfal fil-bżonn li jgħixu f’villaġġi foqra f’pajjiżi bħall-Indja, il-Kenja u l-Gwatemala. Wheelchairs li jgħinu tfal b’diżabbiltà biex ma jqattgħux it-tfulija kollha tagħhom fuq siġġu tal-injam jew tal-plastik. Se ngħinu lill-Fondazzjoni New Beginnings fil-bini ta’ bjar kbar f’zoni foqra tal-Perù u l-Pakistan. Bjar li jipprovdu ilma purifikat, li minbarra li hu tajjeb għax-xorb, jevita l-inkonvenjent lil bosta tfal jew nisa li jridu jimxu kilometri sħaħ biex iġorru lura magħhom jerry cans mimlija b’ilma nadif minn postijiet imbiegħda sew minn djarhom.
Se nkunu qed ngħinu proġett fi skola ġdida primarja fiż-Żambja, mibdi mill-missjunarju Malti Patri Karm Aquilina, biex l-iskola tkun attrezzata b’desks puliti u komdi għat-tfal ta’ familji foqra. Se nkunu qed ngħinu wkoll lis-Sorijiet tal-Karità fil-Libanu li fis-sitwazzjoni diżastruża li jinsab fiha l-pajjiż qegħdin jiġbru ħafna tfal iltima jew minn familji foqra ħafna u waqt li jipprovdulhom kenn fuq rashom, jaraw li jkollhom l-affarijiet bażiċi biex jgħixu f’saħħithom u ’l bogħod mill-perikli.
Din l-edizzjoni tal-maratona Il-Missjoni Bżonnok, bħal dejjem, se tkun qed tappella wkoll lit-telespettaturi biex jidħlu fl-iskema taċ-child sponsor, li permezz tagħha għal donazzjoni ta’ €120 fis-sena tkun tista’ tadotta tifel jew tifla orfni mill-Kenja, l-Indja jew il-Gambja, u tkun qed tipprovdilhom ikel nutrittiv u ilma nadif, il-kura medika li jkollhom bżonn, u l-edukazzjoni tagħhom bit-tama li ’l quddiem taqlagħhom mill-faqar u l-miżerja li jgħixu fih illum.
Il-Maratona ‘IL-MISSJONI BŻONNOK’ se tkun qed tixxandar f’diversi ħinijiet matul il-ġurnata mill-Ġimgħa 24 sal-Ħadd 26 ta’ Jannar fuq ONE