Wara ġimgħat ta’ ħidma minn diversi organi fi ħdan il-Partit Laburista, kollox jinsab lest, biex mill-Ġimgħa jibda jintlaħaq il-qofol tal-Konferenza Ġenerali, li se tara wkoll elezzjonijiet għall-ħatriet fl-ogħla karigi tal-amministrazzjoni u l-eżekuttiv tal-Partit.
Iltqajna mal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay, waqt dawn l-aħħar tħejjijiet, fejn spjegalna wkoll kif din il-Konferenza Ġenerali, qed tara s-sehem ta’ għadd ta’ voluntieri, flimkien mal-Kummissjoni Elettorali, l-Amministrazzjoni u s-Segretarjat, fost l-oħrajn.
“Hawnhekk, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, għaddejjin l-aħħar tħejjijiet, l-aħħar irtokki, biex minn għada, il-Ġimgħa filgħaxija, tinfetaħ uffiċjalment il-Konferenza Ġenerali. Dan hu mument fejn wara ġimgħat, ta’ ħafna ħidma u tħejjijiet minn diversi organi, inkluż numru sostanzjali ta’ voluntieri, li flimkien mal-Kummissjoni Elettorali, flimkien mal-Amministrazzjoni, is-Segretarjat, niftħu l-Konferenza Ġenerali.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista spjegalna, pass pass, dak li se jsir waqt din il-Konferenza Ġenerali u l-proċess elettorali li hemm marbut magħha.
“Wara l-ewwel sessjoni plenarja, għall-ħabta tat-8:00 ta’ filgħaxija, tiftaħ il-votazzjoni għal tliet sigħat. L-għada, jiġifieri s-Sibt filgħodu, kemm f’Malta, hawnhekk fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, kif ukoll f’Għawdex, f’Ta’ Sannat, terġa’ tiftaħ fid-disgħa ta’ filgħodu, il-votazzjoni biex id-delegati jkunu jistgħu jeleġġu żewġ Deputati Mexxejja, il-President tal-Partit, Segretarju Internazzjonali, kif ukoll tnax-il membru minn sebgħa u tletin kandidat għall-Eżekuttiv Nazzjonali.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay
McKay, spjegalna kif jiskatta l-proċess, wara l-votazzjoni.
“Immedjatament, malli tagħlaq il-votazzjoni, jiġifieri f’Malta fis-2:00 ta’ waranofsinhar, hemmhekk immorru għall-proċess li jmiss. Proċess interessanti, fejn ONE se jkun qed isegwi programm speċjali waqt l-għadd tal-voti, skont l-ordni statutorja, fejn l-ewwel jiġu eletti ż-żewġ Deputati Mexxejja, wara l-President tal-Partit, wara Segretarju Internazzjonali, u fl-aħħar it-tnax-il membru tal-Eżekuttiv.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay
Hu temm jappella lil kulħadd biex jingħaqad mal-Partit Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, għall-għeluq tal-Konferenza Ġenerali, bil-qofol tagħha jintlaħaq bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Robert Abela.
“Il-Ħadd filgħodu, hawnhekk nerġgħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, tingħalaq il-Konferenza Ġenerali u hawnhekk nistennew anke d-diskors tal-Prim Ministru, Dr Robert Abela.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay