Il-miżuri soċjali tas-sena li għaddiet u ta qabilha twettqu kollha, bil-miżuri soċjali fil-manifest elettorali jitwettqu b’suċċess sakemm effettivament tintemm din il-leġiżlatura.
Dan spjegah il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon, li f’konferenza tal-aħbarijiet ingħata rendikont tal-miżuri li qed jidħlu fis-seħħ dan ix-xahar.
Huwa spjega kif illum in-nefqa tal-Ministeru qed tqarreb iż-żewġ biljun ewro.
Din is-sena qed ikunu investiti aktar minn biljun ewro fuq l-anzjani biss.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali Mark Musù spjega kif fi tmiem din il-ġimgħa ser tkun implimentata l-miżura tal-ħlas tal-bonus lil persuni li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja.
Fl-aħħar budget ġiet imħabbra l-ikbar żieda ta’ €150 f’dan il-bonus.
Sa issa fuq dan il-bonus sa mill-2015 intefqu ’l fuq minn għoxrin miljun ewro.
Għat-tieni sena konsekuttiva permezz ta’ miżura oħra dawk li kellhom mill-inqas għaxar snin bolol għall-ewwel darba qed jirċievu pensjoni ta’ madwar €50 fil-ġimgħa.
Ser tkun implimentata wkoll l-miżura tal-għotja għal ċittadini anzjani li għandhom aktar minn 75 sena u li ma jgħixux f’dar tal-anzjani ssussidjata mill-Gvern.
Sa mill-2012 in-nefqa globali b’rabta ma’ din il-miżura kważi tlaħħaq it-tlieta u tmenin miljun ewro.
Miżura oħra li ser tkun implimentata dan ix-xahar hija t-titjib fuq il-pensjoni tar-romol.
B’miżura ġdida din is-sena dawn ir-romol ser ikunu qed jaraw żidiet gradwali sabiex ilaħħqu mal-pensjoni tal-konjugi tagħhom.
Bis-saħħa ta’ żewġ miżuri oħra, madwar 3,200 pensjonant tas-servizz ser jibdew igawdu minn żidiet fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali.
L-għotja għall-ħlas tal-Carer se tiżdied b’mitejn ewro u se titla’ għal ħames mitt ewro fis-sena.
Din il-għotja titħallas lill-ġenituri li jkollhom jibqgħu d-dar biex jieġdu ħsieb wild adult b’diżabilità severa.
Persuni li jirċievu l-pensjoni tal-invalidità mhux se jkollhom aktar tnaqqis minn benefiċċji kontributorji oħra li jistgħu japplikaw għalihom.
Musù spjega kif wara li jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri jkunu twettqu 20 minn 28 miżura soċjali tal-budget għal din is-sena.
Qal, “Sal-aħħar ta’ dan ix-xahar ser inkunu implimentajna aktar minn 71% tal-miżuri soċjali, 20 minn 28 miżura. Ix-xahar id-dieħel ser nimplimentaw xi 3 jew 4 miżuri oħra, imbgħad il-kumplament jiġu implimentati kollha sa Novembru.”
Il-Ministru Michael Falzon fakkar kif filwaqt li llum għandek persuni marbuta mal-amministrazzjoni Nazzjonalista u li llum qed imaqdru l-għotjiet u l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern, meta dawn kienu jmexxu lil Malta, tennew li n-nies iridu jidraw il-piżijiet.
Stqarr kif dan il-Gvern kompla jwessa’ l-benefiċċji biex 2,000 persuna ġdida issa hija intitolata għall-pensjoni.
Il-Ministru Falzon stqarr kif illum għandna 70,000 persuna iktar li llum jaffordjaw iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’differenza mal-2012.
Stqarr kif dan huwa riżultat tal-ġustizzja soċjali li jwettaq dan il-Gvern.
Spjega, “Jekk inħarsu lejn il-manifest wettaqna l-wiegħdi kollha fil-qasam soċjali, u dik allura n-nies li vvutaw lil din l-amministrazzjoni ħadu r-raġun li għamlu l-għażla tajba. Sa issa fl-ewwel xahrejn diġa wettaqna 71% fil-mija tal-miżuri kollha soċjali li kien hemm fl-aħħar budget. Konvint illi nagħmluhom kollha wkoll din is-sena kif għamilna anke fi snin preċedenti, li fl-aħħar tliet budgets l-wiegħdi ta’ natura soċjali ġew imwettqa kollha.”