Madwar ħamsa u tletin elf persuna qasmu bejn Malta u Għawdex bil-vapuri tal-Gozo Channel fi tmiem il-ġimgħa estiż li għadda.
Fil-ġranet tal-Ġimgħa, is-Sibt, il-Ħadd, it-Tnejn u t-Tlieta, qasmu wkoll aktar minn erbatax-il elf u ħames mitt vettura.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon, iċ-Chairman tal-Gozo Channel, Joe Cordina qal li t-tmiem il-ġimgħa li għadda sa issa kien l-aħjar wieħed ta’ din is-sena għall-kumpanija.
“Dan il-weekend kien l-aħjar wieħed għal din is-sena għall-Gozo Channel. Meta wieħed jikkonsidra l-problema tal-pandemija aħna kuntenti ħafna illi dan il-weekend kien hemm dak in-numru daqshekk kbir ta’ Maltin li qasmu lejn Għawdex biex jieħdu l-vaganzi f’Għawdex” qal is-Sur Cordina.
Dawn iċ-ċifri jridu jiġu kkunsidrati fid-dawl li t-traġitti bejn iż-żewġ gżejjer kienu kollha turiżmu intern hekk kif l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta beda jopera mill-bidu ta’ dan ix-xahar u allura ma setax ikun hemm turisti.
Dan kollu qed juri kif Għawdex jibqa’ jkun destinazzjoni għall-qalb ħafna għat-turiżmu intern.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dawn huma numri nkoraġġanti ta’ wasliet f’Għawdex li se jgħinu bil-kbir lill-ekonomija tal-gżira tat-tliet għoljiet.
Intant fil-jum tal-Erbgħa ukoll reġa’ ngħaqad mal-flotta tal-vapuri tal-Gozo Channel ir-raba’ vapur, l-MV Nikolaos.
L-MV Nikoloas se jkun qed jgħin biex ikun hemm vjaġġi bejn iż-żewġ gżejjer aktar ta’ spiss anke meta d-domanda se tkompli tikber.