Il-Gvern se jkun qed joħroġ disa’ miljun u seba’ mitt elf ewro għal tliet skemi separati li jindirizzaw l-inġustizzji tal-passat.
Qal dan il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif ħabbar li fi tmiem din il-ġimgħa mill-ġdid ser isiru pagamenti lil dawk il-persuni li fl-imgħoddi sofrew inġustizzji jew anomaliji fl-impjieg tagħhom.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif dawk li se jitħallsu fi tmiem din il-ġimgħa u li jgħoddu għal kważi ħamest elef u mitejn u ħamsin persuna, jikkwalifikaw għal waħda minn tliet skemi differenti.
Mill-ewwel skema se jgawdu 2,972 persuna jew l-eredi tagħhom. Din titratta lil dawk il-persuni li kienu fil-korpi tax-xogħol jew kienu msieħba fi programmi ta’ apprentistat jew ta’ taħriġ qabel l-1979 u wara daħlu jaħdmu f’dipartimenti tal-Gvern.
Il-ħlas li jirċievu huwa marbut maż-żmien li damu jaħdmu fis-servizz pubbliku mill-ħatra uffiċjali tagħhom wara Jannar 1979, sad-data tal-irtirar mix-xogħol.
It-tieni skema se jgawdu minnha 1,618-il persuna li wkoll kienu fil-korpi qabel l-1979, iżda ġew impjegati fis-settur pubbliku. Din l-iskema tapplika ukoll għall-eks ħaddiema tal-Gas Board li kienu ġew trasferiti mal-Korporazzjoni Enemalta meta din twaqqfet.
L-għotjiet tagħhom huma skont is-snin ta’ servizz fl-impjieg fis-settur pubbliku minn Jannar 1979 sad-data tal-irtirar tagħhom.
B’kollox għal dawn iż-żewġ skemi se jinħarġu mas-seba miljun ewro.
It-tielet u l-aħħar skema tapplika għall-eks ħaddiema tax-xatt li kienu liċenzjati bejn l-4 ta’ April tal-1973 u l-ewwel ta’ Gunju tal-2007. B’kollox 657 eks ħaddiem jew l-eredi tagħhom se jingħataw żewġ miljun u seba’ mitt elf ewro.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali spjega kif diġà ġew ivvutati l-flus għall-ħlasijiet li se jsiru wkoll is-sena d-dieħla.
Qal, “Is-sena d-dieħla reġgħu ġew ivvutati madwar €10 miljun jiġifieri allura s-sena d-dieħla jrid isir pagament ieħor lil dawn l-istess kategoriji li qed isir pagament lilhom matul din is-sena.”
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Michael Falzon spjega li din hija l-ħames sena li qed jitħallsu dawn l-ammonti kbar f’għotjiet bħala kumpens.
Huwa rrimarka li frott il-wegħda li saret fil-manifest elettorali tal-2013 u li mil-ġdid ġiet imġedda fl-2017, Gvern Laburista b’kollox se jkun ħareġ sitta u sittin miljun u mitejn elf ewro fi flus għall-inġustizzji lill-ħaddiema fl-imgħoddi
Dawn jinkludu l-ħlas lil madwar 2,500 uffiċjal tal-Pulizija li ma tħallsux tas-sahra li ħadmu u l-ħlas lill-eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board li ngħataw id-dritt ex gratia għal pensjoni tas-servizz u kif ukoll l-arretrati li kienu dovuti lilhom.
Spjega, “Dawn huma istanzi fejn kien hemm obbligu morali imma ma kienx hemm obbligu legali li bħala Gvern nagħmlu tajjeb għal anomaliji jew inġustizzji tal-passat. Il-każ tal-korpi kif isibuh in-nies hemm barra kulħadd jafu, kien ilu magħna 40 sena jekk alla jrid issa wasalna lejn l-aħħar.“