In-numru ta’ viżi li nħarġu f’pajjiżna fl-elfejn u tlettax kienu ftit aktar minn sitta u tletin elf u ħames mija u mhux tmienja u tmenin kif allegat. Differenza ta’ iktar minn ħamsin elf.
Qalet dan is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli f’kitba fuq it-Times of Malta li spjegat kif issa drajna b’allegazzjonijiet iċċirkolati bl-għan li jħammġu r-reputazzjoni ta’ Malta fuq livell Ewropew u dinji.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli tispjega li lanqas jekk tmur lura għall-elfejn u ħdax – meta l-Libja kienet fl-eqqel tal-kriżi tagħha, u tgħodd il-viżi li nħarġu sal-lum, f’seba’ snin u nofs dawn jammontaw għal disgħa u sittin elf – b’terz minnhom taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.
Statistika kkonfermata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, is-Central Visa Unit, u s-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli tispjega pajjiżna għandu sistema ta’ viżi robusti, u fost l-ogħla rati fl-Unjoni Ewropea li jiġu rrifjutati.
Intant il-gazzetta l-Orizzont innutat kif dokument miġbur minn Ivan Grech Mintoff u Khaled Ibrahim Ben Nasan – fuq quddiem bl-allegazzjonijiet dwar ħruġ ta’ viżi mediċi – fih nuqqas ta’ fatti, jippreżenta allegazzjonijiet bħala fatti, dikjarazzjonijiet mhux verifikati jew ibbażati fuq għajdut, argumenti mingħajr bażi ssostanzjata, u dokumenti mbagħbsa, ffalsifikati u foloz.