Bejn din is-sena, is-sena d-dieħla, u l-2018 mistenni jagħlqu l-25 sena ta’ servizz total ta’ 168 membru tal-Korp tal-Pulizija. Dan ħareġ minn tagħrif provdut fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela.
Matul is-sena li għaddiet, telqu 66 membru wara li għalqu ż-żmien tas-servizz, filwaqt li matul din is-sena temmew is-servizz tagħhom 91 membru.
Preżentament il-Korp tal-Pulizija għaddej minn żmien ta’ ristrutturar fir-riżorsa umana għal titjib fis-servizz lis-soċjetà. Ix-xahar li għadda, 52 kuntistabbli ingħataw il-ħatra fir-rank ta’ Surġent f’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. 35 minnhom kienu rġiel u 17 kienu nisa. Ix-xahar li għadda wkoll saret ċerimonja li fiha 64 membru u eks membru tal-Pulizija ġew dekorati bil-midalja għal servizz twil u effiċjenti.