- IĦARSU LEJN IKTAR INVESTIMENT F’PAJJIŻNA
- IL-FTEHIM MAL-EASYJET TA’ STABBILTÀ KBIRA
Lura fis-sena elfejn u tnejn, il-Lufthansa Technik iddeċidiet li tistabbilixxi bażi ta’ manutenzjoni f’pajjiżna. Minn hemm ma ħarsitx lura, bniet l-istorja tagħha u kompliet tiżviluppa u tikber. Biex issa ilha f’pajjiżna erbatax-il sena.
Snin li waslu biex Malta issir ikkunsidrata bħala flagship għall-kumpanija li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’Hamburg il-Ġermanja.
F’Awwissu ta’ din is-sena, Lufthansa Technik Malta ħatret Kap Eżekuttiv Ġdid, Marcus Motschenbacher. Ilu għal tmintax-il sena jaħdem fi ħdan il-kumpanija. Dan kien l-ewwel impjieg tiegħu li laqqgħu ma’ nies differenti.
Għalkemm ilu ftit xhur jokkupa din il-kariga, Motschenbacher ilu josserva mill-qrib il-ħidma ta’ Lufthansa Technik f’pajjiżna, il-progress u l-industrija tal-avjazzjoni f’Malta.
“Fl-aħħar tliet snin il-kumpanija Lufthansa nbidlet b’mod li m’għadhiex kumpanija iżolata iżda saret kumpanija li qed tikkumplimenta negozji li qegħdin hawnhekk. M’hemmx kompetizzjoni, anzi biż-żieda ta’ ħangar ġdid minn MCM, jew il-kożmetika tal-avjazzjoni u l-faċilità għat-tibjid huma affarijiet li jżidu mas-servizzi offruti fil-qasam tal-avjazzjoni,” stqarr Marcus Motschenbacher.