Minn kemm ilha li twaqqfet l-Aġenzija Infrastruttura Malta, lura fis-sajf tas-sena elfejn u tmintax, inbnew mill-ġdid u sar titjib f’seba mija u disa’ toroq fosthom dawk residenzjali u rurali, li jfisser li tlestew medja t’aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa.
Waqt żjara fiż-żona tas-Sagħjtar, fin-Naxxar, fejn għaddej il-bini mill-ġdid ta’ tlettax-il triq residenzjali, Infrastruttura Malta kkonfermat li mill-bidu ta’ din is-sena lestiet xogħlijiet f’mija u tlieta u għoxrin triq residenzjali u wieħed u sebgħin triq oħra qalb il-kampanja.
Flimkien, jgħoddu mat-tnejn u ħamsin kilometru ta’ toroq aħjar, b’sebgħa u tletin kilometru ta’ bankini ġodda u mija u tnejn u għoxrin kilometru ta’ katusi, pajpijiet u cables ġodda tad-distribuzzjoni tas-servizzi taħt l-art.
Sabiex lestew il-bini mill-ġdid tagħhom, il-kuntratturi użaw wieħed u disgħin tunnellata t’asfalt u konkos.
Sebgħa mit-tlettax-il triq residenzjali li l-aġenzija qed tirranġa f’ din iż-żona huma lesti, ħlief għall-aħħar saff t’asfalt li se jsir meta t-toroq l-oħra maġenbhom ikunu lesti wkoll.
B’hekk, il-wiċċ finali jkun sħiħ minn triq għal oħra, mingħajr fili fl-asfalt, ħalli jservi aktar fit-tul.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, il-Perit Raphael Abdilla, spjega li l-ħidma f’dawn it-toroq baqgħet għaddejja minkejja li l-Aġenzija kienet impenjata li tlesti fil-ħin uħud mill-akbar proġetti infrastrutturali li qatt saru f’pajjiżna, primarjament il-Junction tal-Marsa u l-mini ta’ Santa Luċija.
Abdilla qal, “Dawn it-toroq iservu l-publiku fil-lokalitajiet, mhux bħal proġetti l-kbar. Bejn wieħed u ieħor minn kemm ilu taħdem Infrastrutura Malta, għamilna medja ta’ erba’ toroq fil-ġimgħa. Din is-sena lestejna mija tlieta u għoxrin triq residenzjali u sebgħin triq rurali.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega li dawn it-toroq huma parti mill-pjan nazzjonali ta’ seba’ mitt miljun ewro fuq medda ta’ seba’ snin.
Il-Ministru Borg stqarr, “Il-Kunsilli Lokali ma kellhomx flus biex jagħmlu t-toroq kollha. Fil-fatt, l-iktar li setgħu jagħmlu huwa maintenance imbagħad ifaddlu biex forsi jagħmlu triq jew tnejn f’sena. Hawnhekk qed nitkellmu dwar tlettax-il triq f’żona waħda.”