Ġiet inawgurata binja ġdida minn fejn bdiet taħdem il-Kummissjoni Kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru f’Ħal Qormi.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċini l-ġodda, ġie ffirmat ftehim bejn l-istess Kummissjoni u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, li se jassigura li x-xogħol li jsir mill-Kummissjoni jkun ibbażat fuq ir-riċerka u l-fatti li jeżistu fis-soċjetà Maltija.
Bejn l-elfejn u sittax u l-elfejn u dsatax, aktar minn tmint elef u seba’ mitt persuna, il-maġġoranza nisa, użaw is-servizzi t’għajnuna li jeżistu għall-vittmi ta’ vjolenza domestika.
Il-maġġoranza tal-vittmi, użaw is-servizzi offruti mit-Taqsima ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika fi ħdan l-Appoġġ, imma wkoll tal-Pulizija, ta’ Victim Support Malta u ta’ diversi xelters u djar li joffru l-għajnuna.
Il-Kummissarju Kontra l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri spjegat li r-riċerka hija essenzjali biex fuqha jkunu msejsa miżuri li jistgħu jtejbu l-ħajja tal-vittmi f’dawn iċ-ċirkostanzi.
Qalet, “Għandna fenomeni fis-soċjetà tagħna li ma konniex insibuhom għoxrin, tletin sena ilu allura aħna rridu nżommu maż-żminijiet u appuntu r-riċerka hija essenzjali u hawnhekk aħna u l-Fakultà nistgħu nservu ta’ riżorsa għal xulxin, għax aħna viċin tan-nies, nafu l-problemi, jiġu għandna jitkellmu, u nindirizzaw l-esperjenzi li qed jgħixu huma, u l-Fakultà tinvesti ħafna fir-riċerka.”
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Owen Bonnici tenna l-importanza tal-bidla fil-mentalità id f’id mal-bidliet fis-soċjetà biex tkun indirizzata din il-pjaga soċjali.
Spjega, “Għalina m’hemmx lok ta’ vjolenza domestika jew vjolenza kontra l-ġeneru. Aħna rridu nħarrxu l-ġlieda li qed nagħmlu sabiex f’pajjiżna neradikaw u nneħħu u nnaqqsu kemm jista’ jkun din il-pjaga li hija pjaga kerha u li tagħmel effetti ħżiena ħafna.”