Hekk kif, fl-aħħar tliet snin, l-Awtorità tad-Djar ħarġet diversi skemi biex tgħin persuni jsiru sidien ta’ djarhom, jirriżulta li kien hemm madwar 600 familja li gawdew minn għotijiet u benefiċċji simili f’dan ir-rigward.
F’kummenti lil ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, spjega li meta Malta titqabbel ma’ pajjiżi Ewropej oħrajn, jirriżulta li r-rata ta’ persuni li huma sidien ta’ darhom hi waħda stabbli u għolja, kif joħroġ minn statistika tal-Eurostat.
Hawn jirriżulta li f’pajjiżna, kważi tnejn u tmenin fil-mija huma sidien ta’ djarhom, bil-bqija joqogħdu f’postijiet tal-kiri.
Qal, “Ir-rwol tal-Awtorità tad-Djar, f’dan is-sens, kien li matul dawn l-aħħar snin, żammejna numru ta’ skemi, għajnuniet u opportunitajiet għal areas varji u demokrafija varji tas-soċjetà.”
Dawn l-iskemi u għajnuniet, li bihom gawdew diversi faxex tas-soċjetà, kienu jinkludu b’mod speċjali dawk għall-first-time buyers, fejn mis-sena l-oħra bdiet tingħata għotja ta’ elf ewro (€1,000) kull sena għall-ewwel għaxar snin tas-self mal-banek.
Minbarra hekk, bejn l-2020 u l-2023, 256 familja gawdew mill-iskema tad-depożitu, fejn persuni li jkollhom inqas minn 39 sena u li jkunu f’pożizzjoni li jidħlu għal self mal-banek, imma ma jkollhomx imfaddal l-ammont tad-depożitu, jidħol għalih il-Gvern.
Din l-iskema tippermetti lil persuni jidħlu għal self fuq proprjetajiet li jiswew sa mhux iżjed minn mitejn u ħamsa u għoxrin elf ewro (€225,000).
Skema oħra tal-Awtorità kienet dik tal-Equity Sharing, fejn 245 familja bbenefikaw. Din l-iskema kienet intiża għal persuni li jisseparaw u li minkejja li jkollhom ammont ta’ assi minħabba l-età tagħhom isibuha diffiċli jaċċessaw self mill-bank.
Din l-iskema ġiet estiża wkoll għal dawk li għandhom iżjed minn 30 sena, biex aktar persuni jsiru sidien ta’ djarhom, fejn il-Gvern jidħol sieħeb fix-xiri tal-propjetà u jieħu titlu sa massimu ta’ 50% fuq proprjetajiet b’valur mhux aktar minn mitejn u ħamsin elf ewro (€250,000).
Sebgħa u disigħin familja oħra ħadu dak li hu magħruf bħala self soċjali, fejn dawk il-familji bi dħul baxx jistgħu jaċċessaw self hekk kif l-Awtorità tissussidja sa massimu ta’ €167 fix-xahar. Din l-għotja fuq il-pagament tas-self, fejn applikabbli, tkopri wkoll id-depożitu relatat max-xiri tal-proprjetà, filwaqt li tassisti bis-servizzi tan-nutar.
Stqarr, “B’mod prinċipali, ħaġa waħda li tiggwidana hi li qed nitilqu minn metodu ta’ one size fits all, imma nimxu b’mod targeted biex b’hekk inkunu nistgħu ngħinu aktar familji, u dan hu l-mod li qed jiggwidana bħala Awtorità tad-Djar.”