Mill-Ħamis li ġej filgħaxija jibdew xogħlijiet sabiex jinbidel il-wiċċ tat-triq fi Pjazza Raħal Ġdid wara ħsarat li ġarrbet.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Infrastruttura Chris Bonett f’kitba fuq il-midja soċjal, u li qal kif ix-xogħlijiet għandhom idumu biss tliet ġimgħat.
Il-Ministru spjega kif bħalissa għaddejja wkoll ħidma sabiex isiru d-disinni u l-pjanti neċessarji biex il-Pjazza tingħata l-wiċċ li jixirqilha.
Sadanittant Infrastructure Malta qalet li dawn ix-xogħlijiet se jindirizzaw ħsarat konsiderevoli li żviluppaw minn fejn iċ-Ċentru tas-Saħħa sa fejn hemm il-każin tal-klabb tal-futbol tal-Hibernians.
Ix-xogħlijiet huma skedati li jsiru bejn il-Ħamis 8 ta’ Frar u l-Ħamis 29 ta’ Frar u ser isiru wara s-sebgħa ta’ filgħaxija biex l-inkonvenjent ikun minimu u l-attività f’din iż-żona tkompli għaddejja bl-inqas impatt possibbli.
Infrastructure Malta qalet li ħejjiet arranġamenti speċifiċi, b’sinjali temporanji tat-traffiku fit-toroq tal-madwar, biex is-sewwieqa jkunu jistgħu jużaw rotot alternattivi fejn possibbli.