Fil-Ġimgħa Ewropea għall-Immaniġġjar u t-tnaqqis tal-Iskart (li saret mis-Sibt 21 sad-29 ta’ Novembru), il-Kunsill tal-Istudenti tal-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel fil-Kulleġġ ta’ Santa Tereża, staqsew lil 250 student u studenta ta’ bejn it-13 u l-15-il sena biex jevalwaw x’għarfien għandhom dwar l-immaniġġjar tal-iskart.
Dawn l-istudenti kienu mistoqsija jekk jaħsbux li f’Malta għandna problema bl-iskart mormi barra, 92% ta’ dawn l-istudent wieġbu iva, filwaqt li 53% qalu li jemmnu li bħala pajjiż ma aħniex nagħmlu biżżejjed biex inżommu lil Malta nadifa.
Meta kienu kienu mitluba jgħidu jekk jafux x’inhu skart inviżibbli, irriżulta li 64% ma kinux jafu x’inhu.
65% ta’ dawn l-istudenti qalu li jaħsbu il-prodotti elettroniċi l-ġodda jiġux b’ħafna ppakkjar żejjed li jista’ jkun evitat.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li qed iseħħ bidla fil-mentalità, hekk kif 90% ta’ dawn l-istudenti qalu li huma ma jużawx basktijiet tal-plastik li jintremew wara użu ta’ darba biss.
Rigward l-iskart mormi fl-ambjent, 94% jemmnu li l-plastik huwa l-aktar skart komuni, imma 92% jemmnu wkoll li l-fdalijiet tas-sigaretti qed iħammġu daqstant ieħor. Minn ftit riċerka li għamel il-Kunsill tal-Istudenti tal-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel fil-Kulleġġ ta’ Santa Tereża rriżulta li hemm problema ħafna akbar bil-plastik għaliex idum sa 1,000 sena biex jiddekomponi, filwaqt li l-fdalijiet tas-sigaretti jdumu 12-il sena. Interessanti l-fatt li l-ħġieġ ma jiddekomponi qatt!
Meta kienu mistoqsija liema skart jaħsbu li jagħmel l-aktar ħsara meta mormi fl-ambjent, 94% qalu li l-plastik bħala l-akbar problema.
66% tal-istudenti tal-iskola qatt ma ħadu sehem f’attività ta’ tindif pubbliku, imma 69% jgħidu li jifhmu sewwa fl-immaniġġjar tal-iskart.
Bħala Kunsill tal-Istudenti se jniedu kampanja fl-iskola sabiex titnissel kuxjenza akbar favur l-immaniġġjar u t-tnaqqis tal-iskart u qed jippubblikaw ir-riżultati permezz ta’ filmat li nħadem għall-okkażjoni. Dawn ir-riżultati qed jintbagħtu lill-Prinċipal tal-Kulleġġ is-Sur Victor Agius, kif ukoll lill-Ministeru responsabbli mill-Ambjent, l-Onorevoli Aaron Farrugia.