Il-Qorti tal-appell bidlet is-sentenza ta’ Jason Caruana ta’ 44 sena mill-Floriana talli kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Dan wara li nnutat żball mill-Prosekuzzjoni fejn esebixxiet kopja tal-kundizzjonijiet tal-imputat tal-ħelsien mill-arrest wara li kienet ddikkjarat l-evidenza tagħha magħluqa.
Caruana kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq akkużi relatati mad-droga fl-2016 u ġie arrestat wara li nstab f’indirizz differenti minn dak speċifikat fid-digriet tal-Qorti fil-ħinijiet li suppost kellu jkun miġbur f’daru.
Huwa kien arrestat flimkien ma’ Daniel Muka f’rejd fil-Furjana. Muka kien arrestat b’konnessjoni mal-omiċidju doppju ta’ Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski f’Tas-Sliema.
Caruana kien ingħata l-ħelsien mill-arrest madankollu kien reġa’ ġie arrestat lura f’Settembru. Dan sabiex imbagħad f’Ottubru 2020 l-Qorti sabitu ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Caruana kien appella din is-sentenza.
Wara li sema l-argumenti tad-difiża l-Imħallef Aaron Bugeja nnota l-proċedura skoretta u għalhekk ġġustifika l-appell.