Jinsabu fi stadju avvanzat l-istudji u d-diskussjonijiet sabiex il-Gvern ikabbar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, din id-darba minn fuq il-baħar permezz tal-off-shore wind farms.
Ikkonferma dan ma’ ONE News l-analista finanazjarju u l-konsulent fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija, Steve Ellul.
Huwa spjega li din il-ħidma sfiqa mill-gvern Malti qed issir fi sfond ta’ sfidi kbar fl-Ewropa fis-settur tal-enerġija fejn qed tkompli tiddomina l-hekk imsejħa realtà tal-energy poverty: indikatur li jiġbor fih persuni li jkollhom iħallsu aktar minn 10 fil-mija tal-paga tagħhom għall-kontijiet tal-enerġija u l-fjuwils.
Qed naraw li, f’ħafna pajjiżi Ewropej, din l-energy poverty rduppjat, jiġifieri r-rata ta’ nies li qed isibu diffikultà jsaħħnu darhom, u fix-xitwa li ġejja din se tkun iktar ċara, qiegħed jirdoppja fuq dak li kien qabel il-pandemija. Fil-Ġermanja qed naraw, pereżempju, li 25 fil-mija tan-nies se jkollhom diffikulta f’din ix-xitwa jsaħħnu djarhom.
Ellul sostna l-importanza li l-gvern Malti jissussidja ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija biex, apparti li jilqa’ għall-piżijiet fuq iċ-ċittadini Maltin, ikun jista’ jkompli jippjana favur settur aktar sostenibbli u li jiddependi aktar fuq ir-rinnovabbli.
Kien hawn li Ellul irrefera għall-imbuttatura favur l-enerġija rinnovabbli u l-ħidma li qed issir bħalissa biex Malta tkompli tkabbar is-sorsi rinnovabbli tagħha.
Għaddejjin studji, għaddejjin diskussjonijiet pjuttost fuq livell avvanzat biex, pereżempju, pajjiżna juża s-settur marittimu, l-ibħra tagħna, għal investiment f’dik li hija l-enerġija rinnovabbli. Jiġifieri hemmhekk hemm pjanijiet b’mod tanġibbli ħafna biex l-ibħra Maltin jintużaw ukoll għall-enerġija rinnovabbli fi proġetti kbar sabiex niġġeneraw enerġija li tiġi mix-xemx jew mir-riħ.
Ellul irrefera wkoll għall-ħidma importanti li diġà saret u li qed tkompli ssir f’pajjiżna. Din tinkludi skemi vantaġġjużi favur proġetti li kapaċi jiġġeneraw enerġija nadifa għal 6,000 ruħ.
Dan wara li s-sena li għaddiet, permezz ta’ skemi simili, intlaħqu 36 proġett ġdid li se jkunu qegħdin joffru enerġija nadifa għal aktar minn 4,200 dar.
Ellul qal ukoll li skema importanti oħra kienet dik li tinċentiva x-xiri ta’ batteriji apposta biex jaħżnu l-enerġija sabiex tiġi użata u b’hekk tnaqqas mid-dipendenza fuq il-grilja tal-enerġija tal-pajjiż.
Huwa rrimarka s-suċċess ta’ din l-iskema s-sena li għaddiet.
F’Malta, fil-fatt, 80 fil-mija ta’ din l-ispiża tiġi inċentivata u maħruġa mill-Gvern stess f’forma ta’ skema apposta li fl-aħħar sena bbenefikaw minnha aktar minn 1,200 familja f’Malta, li issa qed inaqqsu b’mod drastiku u kważi saru indipendenti minn dik l-enerġija li nġibu mill-grid, mill-enerġija tal-Enemalta biex niftiehmu.