Aktar minn nofs ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-faċċata tal-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi huwa lest.
Dan tħabbar waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett. Xogħol li jinkludi restawr fuq il-faċċata tal-ġenb tal-knisja u s-sagristija.
Dan il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ €84,000 li 80% minnhom huma ffinanzjati minn fondi Ewropej mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Fil-fatt grazzi għal dawn il-fondi qed isir dan ir-restawr minħabba li l-faċċati prinċipali u sekondarji tal-Knisja parrokkjali tal-Qrendi iddetorjeraw matul is-snin.
“Ix-xogħol kien jinkludi tindif speċjalment ta’ għadd kbir ta’ siment li kien hemm fin-naħa ta’ isfel tal-Knisja madwar il-Knisja kollha filwaqt li ukoll ħafna ċarċir tal-ilma u tbajjiet tal-ilma fuq in-naħat ta’ fuq tal-Knisja. Ix-xogħol kien jinkludi wkoll bdil ta’ ġebel li kien deterjorat ħafna speċjalment fil-partijiet tal-gwarniċi u dekorattivi.”
Il-Kappillan tal-Qrendi Fr Mario Said qal li bis-saħħa tal-fondi Ewropej, il-Knisja tal-Qrendi qiegħda tgawdi minn dan il-proġett li se jsebbaħ il-knisja u se jservi biex mhux biss il-Maltin imma anki it-turisti li jżuru l-Qrendi igawdu mill-wirt storiku f’din il-lokalità.
“Għall-grazzja ta’ Alla, il-komunità qed tibbenefika minn dan ix-xogħol li qed isir billi dan il-monument tal-Knisja tal-parroċċa tagħna tal-Qrendi qiegħed jieħu jerġa’ jieħu l-istat sabiħ tiegħu kif propju forsi kien anke fil-bidu grazzi għall-għajnuna u għall-fondi li qed jgħinuna, il-fondi tal-Unjoni Ewropea.”
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li dan il-proġett huwa wieħed minn 33 proġett ta’ restawr li qiegħda twettaq il-Knisja f’Malta permezz tal-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta b’investiment ta’ €4 miljun minn fondi Ewropej.
“Il-Knejjes tagħna apparti li huma ġojjelli tal-komunità huma ċ-ċentri tal-komunità tagħna huma wkoll prodott importanti għat-turiżmu tagħna u għal dak li huwa l-wirt nazzjonali tagħna u għandna kull obbligu li aħna nkomplu nippriżervaw dawn il-monumenti ta’ pajjiżna.”