Meta kien qed jitkellem fil-Parlament fl-istadju tat-Tieni Qari dwar l-abbozz ta’ liġi għall-ħolqien ta’ Aġenzija dwar l-Aġenti tal-Proprjetà, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li l-għan ewlieni ta’ din il-liġi hu li tingħata protezzjoni sħiħa lid-drittijiet tal-konsumatur meta jkunu qed isiru tranżazzjonijiet tal-proprjetà.
Il-Ministru qal li, meta nitkellmu dwar dan il-qasam, din il-liġi trid tagħti s-serħan il-moħħ lill-konsumatur li min qed jippreżenta ruħu biex jikseb is-servizz ta’ aġent tal-proprjetà dan ikun imħarreġ biżżejjed u li għandu xi forma ta’ ċertifikazzjoni mill-istat.
Tenna li hu importanti wkoll li aġenti simili jkunu mħarrġin u li anke jkunu kompetenti biżżejjed biex jagħmlu dak ix-xogħol.
“Jekk hemm xi ħadd li hu intermedjarju f’dik it-transazzjoni, huwa importanti li jkollna nies tal-affari tagħhom li jirrappreżentaw u jgħinu lin-nies bis-serjetà u b’mod korrett u etiku fil-mod kif jagħmlu dik it-transaction.”
Zrinzo Azzopardi spjega kif din l-Aġenzija l-ġdida se titwieled wara li kien twaqqfet taqsima apposta u li, sal-lum il-ġurnata, hi responsabbli mil-liċenzjar tal-aġenti tal-proprjetà.
Wara li saret analiżi tax-xogħol li qed tagħmel din it-taqsima, inħasset il-ħtieġa ta’ aġġornament u aktar kjarezza dwar dan il-qasam, bil-Gvern jieħu d-deċiżjoni li waslet għall-bżonn ta’ liġi li tirregola dwar min jista’ jkun aġent tal-proprjetà, xi kwalitajiet għandu jkollu u x’tip ta’ regolamentazzjoni hemm bżonn biex dawn jaqgħu taħt qafas regolatorju b’saħħtu.
Bl-informazzjoni, li nġabret s’issa u bis-sorveljanza tas-settur, ir-regolatur se jkun jista’ jinforza l-liġi u jara min suppost jopera dan il-qasam u min mhux suppost jopera jbati l-konsegwenzi.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem ukoll li, fil-qasam tat-tranzazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli hemm bżonn li jkomplu jiġu aġġornati is-sistemi kollha, bħal pereżempju r-Reġistru tal-Artijiet li għadu ma żviluppax biżżejjed biex iwassal għal aktar effiċjenza fis-settur.
Il-Ministeru semma li għandhom jinbdew diskussjonijiet b’mod partikolari mal-Kunsill Notarali u ’l quddiem anke mal-Kamra tal-Periti biex eventwalment din il-bidla sseħħ.
“Lura fis-snin tmenin, li Malta jkollna Land Registry, li jkollok il-proprjetà rreġistrata fil-Land Registry, u mhux bis-sistema tar-riċerki li ilha magħna għal mijiet ta’ snin, nagħmlu din l-evoluzzjoni li twassal għal bidla radikali. Mhijiex bidla li tista’ ssir mil-lum għal għada, però bidla li tkun bi strateġija, b’viżjoni, b’dati ċari, b’kunsens l-aktar wiesgħa.”
Id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-Aġenzija għall-Aġenti tal-Proprjetà issa se tkompli fl-istadju ta’ kumitat.