Il-Qorti tal-Appell ħelset lil Anthony McKay minn sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Maġistrati fl-2018 li kienet sabitu ħati fuq akkużi ta’ frodi għad-detriment ta’ kumpanija tal-assigurazzjoni.
Il-każ kien dwar ġiżirana li tiswa qrib is-sebat elef ewro li McKay tilef f’Ta Qali. Għal din ir-raġuni McKay fetaħ każ mal-kumpanija Middlesea iżda l-kumpanija ma kinitx aċċettat dan il-każ għaliex qalet li McKay ma kienx provda d-dettalji kollha fosthom li ġieli xellef difru mal-ġustizzja.
Ġara li ħaddiema tal-kumpanija tal-assigurazzjoni u impjegata sofrew danni minħabba atti ta’ vandaliżmu u ntefa’ suspett fuq McKay.
Il-ġiżirana prezzjuża kienet ġiet irritornata lil Mckay wara li spiċċat f’idejn qassis fil-qrar iżda l-persuna li rritornata baqgħet mhux magħrufa. McKay ma kienx informa lill-kumpanija b’dan l-iżvlupp iżda għamel rapport lill-pulizija li nstabet il-ġiżirana.
L-Imħallef Aaron Bugeja illibera lil McKay minn kull akkuża.