Minn Marzu sal-lum saru aktar minn 2,700 MRI fl-Isptar t’Għawdex, b’70% tagħhom kienu fuq pazjenti Għawdxin.
Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa Joe Etienne Abela, fl-istess waqt li inawgura uffiċjalment din il-magna ġdida u l-aktar moderna f’pajjiżna, li nġibet b’investiment ta’ tliet miljun ewro.
Il-Ministru Abela spjega kif permezz ta’ ħidma bla waqfien f’dawn l-aħħar 6 xhur, saret l-estensjoni meħtieġa biex inbena l-post għal din il-magna.
Saħaq kif din il-magna ser itejjeb is-servizz tar-radjoloġija offrut f’Għawdex hekk kif hi waħda tal-aħħar teknoloġija li jippermetti djanjosi dettaljata f’diversi partijiet tal-ġisem kif ukoll MRI’s specjalizzati foshom MRI’s tal-moħħ, qalb, prostata, xewka tad-dahar, tal-fwied, frixa kif ukoll ser jgħina biex naqbdu tumuri fi stadju bikri u ser joffri kull tip ta’ MRI bżonnjuz għal pazjenti f’Għawdex.
Dr Abela rringrazzja lit-tim Multi-dixxiplinarju li ser ikun qed imexxi dan is-servizz u qal kif issa l-Għawdxin ser ikunu jistgħu jinqdew f’Għawdex stess mingħajr skarriġġ li jinżlu Malta biex jagħmlu dan it-test mediku.