Fi ftit xhur l-FIAU ser tkun qed timplimenta liġi ġdida li ser tgħin biex tnaqqas ir-reati ekonomiċi f’niċeċ differenti f’pajjiżna.
Din il-liġi l-ġdida li bdiet tinħadem f’April li għadda, ser tintroduċi restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ flus kontanti.
B’hekk Malta ser ikollha għodda oħra finanzjarja li ser tikkontribwixxi mhux ftit fil-ġlieda tagħha kontra l-ħasil ta’ flus.
Ix-xogħol fuq l-introduzzjoni ta’ din il-liġi qed isir wara li l-FIAU ltaqgħet ma’ stat membru Ewropew ieħor bil-għan li tikseb aktar informazzjoni dwar liġijiet li jirrestrinġu t-trasferiment tal-flus.
Fil-fatt f’dawn il-laqgħat ħareġ kif l-użu tal-flus kontanti huwa l-metodu preferut minn ħafna sabiex jaħslu flus li ġejjin mill-krimintalità jew li jsostnu t-terroriżmu.
Intant l-FIAU qalet ukoll li bħalissa qed taħdem fuq reġistru li ser jiċċentralizza l-kontijiet bankarji Maltin kollha biex ikun hemm moniteraġġ aktar qawwi fuq l-attività finanzjarja ta’ individwi suspettużi.
L-Awtoritajiet responsabbli mill-ġbir tat-taxxa u anke l-forzi tal-ordni ser ikunu jistgħu jaċċessaw dan ir-reġistru biex b’hekk l-investigazzjonijiet u l-awditjar f’każijiet differenti jimxu b’aktar ħeffa.
Dwar dan ir-reġistru l-FIAU ħejjiet ukoll liġi ġdida li ser tkun qed tgħaddi għand il-Ministeru tal-Finanzi.
Dan mhux kollox hekk kif bejn Jannar u Lulju l-FIAU flimkien mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji u l-Awtorità Maltija għal-Logħob komplew iwettqu investigazzjonijiet u skrutinju fuq diversi istituzzjonijiet fosthom dawk finanzjarji u tal-logħob.
Fil-fatt riċentament ġie rivedut ftehim ta’ koperazzjoni bejn l-Awtorità għal-Logħob u l-FIAU.
Rapport tal-Awtorità Maltija għal-Logħob ippubblikat riċentament juri wkoll li mal-ħmistax-il kumpanija jew persuna ma kinux idonji biex jilħqu l-livelli tal-awtorità f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tar-riskji fuq ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu.
Fil-fatt sar mal-elf u tliet mitt assessjar kriminali u kien hemm anki talbiet minn barra minn Malta biex l-awtorità tikkopera fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.