Il-gvern qed jieħu l-miżuri neċessarji u konkreti biex itejjeb il-qagħda ambjentali f’pajjiżna. Dan ġie konfermat mill-Kummissjoni Ewropea hekk kif ġie ppubblikat ir-rapport bit-titlu ‘The EU Environmental Implementation Review 2019’.
Fi stqarrija l-Ministru għall-Ambjent spjega kif il-konklużjonijiet tar-rapport juri li d-deċiżjonijiet li ħa dan il-gvern biex idaħħal il-ġbir tal-iskart organiku fuq skala nazzjonali kienet deċiżjoni għaqlija u qed tilħaq l-għanijiet tagħha u fi ftit xhur inġabru ’l fuq min 11,000 tunnellata ta’ materjal organiku kif ukoll qed naraw tnaqqis fil-volum miġbur tal-borża s-sewda. Statistika miġbura mill-WasteServ qed tindika wkoll żieda fil-ġbir tal-materjal riċiklabbli.
Il-gvern, permezz tal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, għaddej bil-proċess ukoll biex ikollna pjan ġdid dwar l-immaniġġjar tal-iskart wara l-2020. Dan il-pjan se jkollu fil-qalba tiegħu aktar inizjattivi biex intejbu r-rata ta’ riċiklaġġ anke permezz ta’ aktar kollaborazzjoni mal-pubbliku inġenerali. Pajjiżna jagħraf li l-unika soluzzjoni kurrenti biex jiġi disponut l-iskart hi l-miżbla. L-impenn tal-gvern f’dan l-aspett hu li sal-2023 pajjiżna jkollu infrastruttura ta’ Waste to Energy fejn mill-iskart jiġi ġġenerat l-enerġija. Din il-faċilità se titratta 40% tal-iskart iġġenerat.
Matul din is-sena pajjiżna se jintroduċi skema ta’ rifużjoni għall-ġbir tal-kontenituri tax-xorb tal-plastik, metall u ħġieġ. Dan jawgura tajjeb ukoll hekk kif ir-rapport jikkwota li 90% tal-poplu Malti hu mħasseb dwar l-impatt tal-plastik fl-ibħra tagħna u għaldaqstant din il-figura għandha turi kif il-poplu Malti lest li jikkollabora u jipparteċipa bis-sħiħ f’din l-iskema. Kien proprju waqt li Malta kienet qed tingħaqad mal-kumplament tad-dinja fl-avveniment tal-Earth Hour li l-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera ħabbar li fi ftit ġranet oħra l-gvern se joħroġ għal konsultazzjoni pubblika strateġija dwar is-single use plastic fejn b’mod effettiv ikun qed iħeġġeġ lin-nies biex inaqqsu l-użu ta’ dan it-tip ta’ materjal kif ukoll jintużaw prodotti alternattivi.
Rigward l-ekonomija ċirkulari pajjiżna mhux biss għaddej mill-proċess li jdaħħal il-qafas leġiżlattiv neċessarju iżda waqqaf agenzija intiża b’mod dirett li tixpruna l-kunċetti ta’ ekonomija ċirkulari fejn l-għan aħħari hu li pajjiżna jidentifika inizjattivi biex nimmassimizzaw il-valur tal-materjali differenti fl-ekonomija tagħna.
Ir-rapport iħares ukoll lejn l-aspetti tal-kwalità tal-arja u kif ir-riforma fit-trasport pubbliku u l-inizjattivi varji li ħa dan il-gvern favur mezzi alternattivi tat-trasport aktar nodfa. Fost il-miżuri primarji hemm il-miżuri li qed joffru t-trasport pubbliku b’xejn kemm lit-tfal tal-iskejjel kollha tal-pajjiż kif ukoll dik li qed toffri trasport pubbliku mingħajr ħlas għaż-żgħażagħ. Dawn l-interventi kollha qed iħallu impatt pożittiv hekk kif qed jgħinu biex ikun hemm bidla fl-għażla ta’ kif wieħed jagħżel kif jivjaġġa – bidla mill-vettura konvenzjonali għat-trasport pubbliku.
Malta għandha wkoll strateġija nazzjonali għat-trasport u pjan għat-trasport li jinkludi soluzzjonijet li jvarjaw minn miżuri li jindirizzaw l-isfidi preżenti kif ukoll dawk li jħarsu aktar fit-tul. L-implimentazzjoni tad-diversi miżuri bdiet fi Frar 2017 u matul dawn l-aħħar snin il-gvern introduċa diversi inizjattivi li jindirizzaw it-trasport pubbliku, it-trasport kollettiv u t-trasport aktar nadif.
Minbarra l-miżura tat-trasport pubbliku mingħajr ħlas hemm numri ta’ skemi li qed jinċentivaw l-użu ta’ mezzi aktar nodfa, fosthom il-vetturi elettriċi. Dan qed isir għax dan il-gvern jagħraf li din għandha impatt ukoll fuq il-kwalità tal-arja. Għalhekk skemi li qed joffru grants fuq mezzi aktar nodfa bħall-karozzi elettriċi, karozzi li jaħdmu bil-gass, muturi u roti, iż-zero taxxa ta’ reġistrazzjoni u 5 snin eżenzjoni fuq il-liċenzja tat-triq meta wieħed jixtri karozza elettrika huma fost l-inċentivi introdotti mill-gvern. Il-gvern waqqaf ukoll kummissjoni biex tiġi identifikata d-data meta vetturi li jaħdmu b’magni konvenzjonali jieqfu jinbiegħu f’pajjiżna u b’hekk tibda ssir il-bidla neċessarja.
Apparti dan, il-gvern qed jindirizza b’mod dirett il-problema tal-konġestjoni tat-traffiku b’investiment konsiderevoli fl-infrastruttura tat-toroq inkluż l-investiment ta’ €700 miljun fuq medda ta’ 7 snin.
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li 34 sit li jkopru 13% tal-art hi ddikjarata Natura 2000 u dawn is-siti għandhom pjani ta’ immaniġġjar ambjentali. Il-Kummissjoni Ewropea qed tilqa’ b’mod pożittiv il-fatt li f’Ġunju tal-2018 ġew iddikjarati 35% taż-żoni marittimi bħala protetti.
Il-gvern se jkompli jkun kommess li jpoġġi l-ambjent bħala prijorità nazzjonali u se jistudja fid-dettall il-punti mqajma u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rapport biex ikompli jipproteġi mhux biss il-kapital naturali ta’ pajjiżna iżda l-kwalità ta’ ħajja tagħna lkoll.