Ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna fi Frar li għadda kienet ta’ 2.7% biss, skont il-Eurostat. Din hi l-inqas rata ta’ qgħad li qatt ġiet osservata f’pajjiżna mindu bdiet tinġabar tali statistika.
Waqt li l-medja tal-qgħad mis-sena 2000 sallum kienet ta’ 5.6% jew d-doppju tar-rata preżenti, l-ogħla li qatt ġiet osservata f’dan il-perjodu kienet ta’ 8.5% f’Awwissu tal-2003. B’hekk, dakinhar, il-qgħad kien iżjed minn tliet darbiet aktar milli hu llum.
Mindu nbidel il-Gvern f’Marzu tal-2013, ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 4.3% bħala medja. L-aktar li tela’ l-qgħad, mindu sar Prim Ministru Robert Abela, kien fil-livell ta’ 5.5% f’Settembru tas-sena 2020 fl-eqqel tal-pandemija tal-COVID-19.
Iżda grazzi għall-miżuri ta’ sostenn li ħa l-Gvern dak iż-żmien, il-qgħad spiċċa naqas bil-qawwi u llum ukoll hu kważi n-nofs ta’ dak ħames snin ilu.
Taħt Dr Abela, Malta llum għandha l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro u hi biss il-Polonja, fil-bqija tal-Unjoni Ewropea, li għandha rata marġinalment inqas, bi 2.6%.
Fl-aħħar sena biss kien hemm tnaqqis fir-rata tal-qgħad lokali minn 3.4% għal 2.7%.
Dwar din l-aħbar ukoll ikkummenta l-Prim Ministru fuq il-midja soċjali fejn kiteb li l-impenn tal-Gvern se jibqa’ b’saħħtu biex jassigura li mit-tkabbir ekonomiku jgawdi kulħadd fis-soċjetà tagħna.