Malta reġa’ għandha l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.
Dan skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT.
Ir-rata ta’ qgħad ta’ pajjiżna għax-xahar ta’ Frar hi ta’ 3.1%.
Din ir-rata tagħmel lil Malta bl-inqas rata fost il-pajjiżi kollha taż-Żona Ewro.
Flimkien ma’ Malta, bl-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro hemm il-Ġermanja, meqjusa bħala l-pajjiż mutur ekonomiku tal-Ewropa.
Il-medja ta’ qgħad fiż-Żona Ewro hi ta’ 6.8%, li jfisser li r-rata ta’ Malta hija ferm inqas min-nofs tal-medja fiż-Żona Ewro.
Il-medja Ewropea hija ta’ 6.2% u bl-inqas rata ta’ qgħad fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea hemm ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja.
Wara dawn iż-żewġ pajjiżi, tiġi Malta.
L-aħħar statistika maħruġa lokalment mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO turi li f’Jannar kien hawn ftit aktar minn elf ruħ jirreġistraw għax-xogħol.
Dan ifisser li fuq medda ta’ sena, il-qgħad f’Malta, anki waqt pandemija, naqas bi kważi żewġ terzi.
Is-sena li għaddiet pajjiżna għalaq is-sena bl-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
F’Malta issa l-qgħad ilu jonqos b’mod konsekuttiv għal 22 xahar.