Fi Frar, l-għadd ta’ nies li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol naqas b’84 persuna meta mqabbel ma’ sena qabel.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li minnhom irriżulta wkoll li, fi Frar li għadda, kien hawn 1,041 persuna li kienu qed jirreġistraw mal-Jobs Plus.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li kien hemm ttnaqqis ta’ wieħed u tletin persuna jirreġistraw għax-xogħol fi Frar, meta mqabbel ma’ xahar qabel, jiġifieri Jannar.
Ħareġ li kien hemm aktar irġiel jirreġistraw – kważi 70% – milli nisa.
Ħareġ ukoll li, fi Frar li għadda, il-persuni b’diżabilita jirreġistraw għax-xogħol naqsu bi 23 persuna, meta mqabbel ma’ Frar tas-sena li għaddiet. Dan hekk kif b’kollox ilaħħqu l-233 persuna.
Intant, fi statistika oħra maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT, ħareġ li Malta għandha t-tieni l-inqas rata ta’ qgħad minn fost il-pajjiżi fi ħdan iż-Żona tal-Ewro.
Dan hekk kif pajjiżna għandu rata ta’ tlieta fil-mija u huwa biss il-Ġermanja li għandu rata inqas minn dik ta’ Malta, b’0.1% inqas.
F’dawn iċ-ċifri ħareġ li r-rata ta’ pajjiżna tiżboq sew il-medja tal-pajjiżi taż-Żona tal-Ewro, hekk kif hija ta’ 3.6% iżjed mir-rata ta’ Malta.