Il-qgħad f’pajjiżna reġa’ naqas.
Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, in-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol fi Frar naqas b’mod qawwi meta mqabbel ma’ Frar ta’ sena qabel.
Fil-fatt minn ċifri mogħtija mill-NSO, f’sena, fit-tieni xahar tas-sena, il-qgħad naqas b’1,460 persuna.
Dan hekk kif filwaqt li fi Frar tal-2021 kien hawn 2,675 persuna jirreġistraw għax-xogħol ma’ JobsPlus, fi Frar li għadda kien hawn 1,125 persuna jfittxu xogħol.
Punt notevoli ieħor mill-istatistika tal-NSO juri li meta Frar jitqabbel ma’ xahar qabel, in-numru ta’ persuni jfittxu xogħol għal aktar minn sena, naqas ukoll.
Meta niġu għall-kategoriji t’età, kien hemm tnaqqis b’aktar minn tliet darbiet fin-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol, li jgħoddu bejn it-30 u l-44 sena.
Ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, partikolarment dawk li jgħoddu bejn l-20 u l-24 sena u dawk li għandhom bejn il-25 u d-29 sena, naqset bin-nofs.
Dan filwaqt li l-qgħad fost persuni mdaħħla f’iżjed żmien, bħal dawk li jgħoddu 45 sena jew aktar, naqas b’aktar min-nofs.
Fi Frar ukoll pajjiżna kellu l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.
Dan skont statistika li ħarġet riċentament mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT.