In-numru ta’ nies qiegħda reġa’ naqas għax-xahar ta’ Frar meta mqabbel max-xahar ta’ qabel.
Dan skont statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO.
Jirriżulta li fi Frar li għadda n-numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol kien ta’ 2,585.
Dan ifisser 90 ruħ inqas mill-ewwel xahar tas-sena, meta n-numru ta’ nies qiegħda kien ta’ 2,675.
Il-qgħad ilu jonqos mix-xahar ta’ Ġunju wara li kienet laqtitna l-imxija u issa jinsab kważi fl-istess livell ta’ qabel faqqgħet il-pandemija.
Dan ifisser li għad-disa’ xahar konsekuttiv naqas il-qgħad.
Filwaqt li f’Mejju l-ammont ta’ nies jirreġistraw kien ta’ 4,409, sat-tieni xahar ta’ din is-sena n-numru ta’ dawk ifittxu xogħol naqas b’1,824.
Dan ifisser li mqabbel ma’ Mejju li għadda, għax-xahar li għadda l-qgħad naqas b’iżjed minn żewġ terzi waqt pandemija.
Intant fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dan ir-riżultat inkoraġġanti fis-settur tax-xogħol waqt pandemija.
Saħaq li f’kull ġurnata tax-xogħol, għaxar persuni f’Malta sabu opportunità.
Innota wkoll li filwaqt li f’pajjiżna n-nies jaħdmu full-time żdiedu b’1.2%, il-medja Ewropea rat tnaqqis ta’ 1.4%.