Frar li għadda kien l-aqwa wieħed għall-bejgħ tal-propjetà f’Malta mil-2017 s’issa, kemm fin-numru ta’ konvenji li saru u anke l-valur tagħhom.
L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, l-MDA, qalet li b’kollox fi Frar saru 1,600 konvenju, b’valur li jaqbeż it-€350 miljun.
Meta mqabbel ma’ Frar 2020, wieħed jinnota żieda ta’ 40% fil-konvenji li saru, b’differenza fil-valur li taqbeż il-mitt miljun ewro.
L-MDA qalet li dawn l-aħħar ċifri jkomplu jikkonfermaw ir-reżiljenza ta’ dan il-qasam kruċjali, anke fi żmien ta’ inċertezza minħabba l-pandemija. Hawnhekk l-Assoċjazzjoni qalet li hu importanti li dawn l-oqsma jitħallew jikbru anke f’dan iż-żmien.
Fuq Twitter, il-Prim Minsitru Robert Abela laqa’ dawn l-aħħar riżultati dwar ix-xiri tal-propjetà f’Malta tul Frar, u saħaq li dan juri kif il-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro li ħabbar il-Gvern f’Ġunju li għadda, qed iħalli l-impatt mixtieq.
#February was another record month for the #property market. The best February ever. The #regeneration plan has proven to be truly effective with transactions up by nearly half. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) March 6, 2021
Fost l-oħrajn kien tħabbar li dawk li kienu se jixtru propjetà sa tmiem is-sena li għaddiet, frankaw eluf mit-taxxa tal-boll li tnaqqset minn ħamsa fil-mija għal wieħed punt ħamsa fil-mija. Dan apparti li ġiet modifikata wkoll l-iskema tal-first time buyers li kien daħħal Gvern Laburista biex aktar persuni jsiru sidien ta’ djarhom, biex anke dawk li qabel ma kinux jikkwalifikaw għall-iskema, ikunu jistħgu jibbenefikaw minnha wkoll.