L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb riżultat ieħor inkoraġġanti għall-istaġun tax-xitwa, hekk kif fi Frar għaddew mill-ajruport 379,073 passiġġier.
Kważi d-doppju tal-movimenti tal-passiġġieri rreġistrati fl-istess xahar tal-2022.
Dan ħareġ minn ċifri li ħareġ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif ġie nnutat li minkejja li Frar huwa l-iqsar xahar, meta tqabbel it-traffiku li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra ma’ dak ta’ Jannar, jirriżulta li d-differenza fil-movimenti tal-passiġġieri kienet ta’ 262 passiġġier biss.
It-tmintax tax-xahar kienet l-aktar ġurnata impenjattiva, hekk kif għaddew mill-ajruport 17,531 passiġġier u dan fiż-żmien meta ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival kienu fl-aqwa tagħhom u l-istudenti bil-btajjel.
Fil-fatt, matul tmiem il-ġimgħa tal-Karnival, intlaħqet medja ta’ 88% fis-seat load factor.
Mill-banda l-oħra, il-medja tas-SLF għax-xahar ta’ Frar kienet ta’ 82.6%, jiġifieri żieda ta’ 6.8% fuq is-seat load factor li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra fi Frar tal-2019.
Fi Frar li għadda, l-Italja, ir-Renju Unit u Franza żammew posthom bħala l-aktar swieq importanti għall-ajruport, filwaqt li s-suq Ġermaniż tela’ fir-raba’ post u dak Pollakk sab postu bħala l-ħames l-aktar suq importanti.
Intant, aktat kmieni din il-ġimgħa, il-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti ppubblika r-riżultati tat-traffiku għal Jannar.
L-organizzazzjoni osservat li f’Jannar 2023, it-traffiku Ewropew kien l-aktar viċin li jilħaq irkupru totali minn meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19.