Il-ġuri li ġibed l-attenzjoni tad-dinja, forsi għall-makabrita tiegħu, ġie fi tmiemu fi Franza b’Dominique Pelicot ,li għandu 72 sena, ikkundannat għal 20 sena ħabs.
Huwa kien akkużat li wettaq, instiga u organizza stupru u abbużi sesswali tal-massa fuq l-eks mara tiegħu Gisèle Pelicot u li għal perjodu ta’ kważi għaxar snin kien jamministralha drogi biex ma tkunx f’sensiha filwaqt li kien jistieden għexieren ta’ rġiel sabiex flimkien miegħu jistuprawha u jabbużaw sesswalment minnha.
Il-ġuri nżamm f’Avignon fin-Nofsinhar ta’ Franza u hekk kif instab ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih huwa ingħata sentenza massima.
Miegħu kien hemm akkużati 50 raġel ieħor li kollha nstabu ħatja mill-anqas ta’ reat wieħed għalkemm is-sentenzi mogħtija lilhom kienu anqas minn dawk mitluba mill-prosekuzzjoni.
Gisèle u uliedha ma urew l-ebda emozzjoni hekk kif inqraw il-verdetti bl-eks żewġha jinfaqa’ jibki kif ingħata s-sentenza.
Il-Ħamis filgħodu, l-pulizija għalqu t-triq ta’ quddiem il-qorti sabiex setgħu jkunu akkomodati l-mijiet ta’ persuni li attendew sabiex jissapportjaw lill-vittma, b’banner kbir li kien jgħid ‘Grazzi Gisèle’ imwaħħal faċċata tal-entratura.
F’kumment barra l-qorti, wara li ingħataw il-verdetti, Gisèle Pelicot qalet li l-ġuri kien diffiċli ħafna għaliha. Hi ddikjarat li qatt ma ddispjaċiha li ddeċidiet li tagħmel il-ġuri wieħed pubbliku sabiex kulħadd ikun jaf x’qed jiġri. Id-deċiżjoni tal-anzjana ta’ 72 sena li tirrinunzja għad-dritt awtomatiku tagħha għall-anonimità kienet waħda ferm insolita.
L-eks raġel tagħha Dominique Pelicot, li kien ammetta l-ħtija tiegħu, nstab ħati ta’ stupru aggravat fuq martu kif ukoll l-attentat stupru aggravat tal-mara ta’ Jean-Pierre Maréchal li kien qed jiġi akkużat miegħu fl-istess ġuri.
Maréchal, meqjus bħala d-dixxiplu ta’ Pelicot hekk kif hu ukoll kien jiddroga u jistupra lil martu u stieden lil Dominique jagħmel l-istess, ingħata sentenza ta’ tnax-il sena ħabs.
Pelicot instab ukoll ħati li ħa ritratti indiċenti ta’ bintu Caroline Darian u n-nisa ta’ uliedu Aurore u Celine.
Bintu qalet li tħoss li kienet il-vittma minsija hekk kif kuntrarju għall-każ ta’ ommha ma kienx hemm provi tal-abbuż li hi konvinta kien seħħ fuqha. Missierha nnega li qatt iddroga jew abbuża minn bintu.
L-avukat ta’ Dominique Pelicot qal li għad iridu jiddeċiedu jekk hux se jappellaw mis-sentenza.
Mill-50 raġel ieħor akkużati fl-istess ġuri, 46 instabu ħatja ta’ stupru, tnejn ta’ attentat ta’ stupru u tnejn ta’ abbuż sesswali. Uħud minnhom diġa skontaw diversi snin il-ħabs hekk kif kienu arrestati meta bdiet l-investigazzjoni tal-pulizija fl-2021 u għalhekk dalwaqt joħorġu lliberati. Il-maġġoranza tagħhom ċaħdu li dak li kienu għamlu kien stupru hekk kif qalu li ma kienux jafu li Gisèle ma kinitx f’sensiha.
Dan kien argument li qanqal diskussjoni madwar il-pajjiż dwar xhini d-definizzjoni legali ta’ stupru fil-qorti Franċiża. Is-sentenzi tagħhom kienu jvarjaw minn tlieta sa’ ħmistax-il sena.
Il-każ kien inkixef fl-2020, meta l-pulizija kienu arrestaw lil Pelicot fuq każ separat ta’ ffilmjar taħt dbielet tan-nisa f’supermarket. Bħala parti mill-investigazzjoni kienu ġie ssekwestrat apparat elettroniku fejn fuq il-laptop sabulu eluf ta’ filmati b’evidenza ta’ madwar 200 stupru. Permezz tal-filmati ġew identifikati l-irġiel l-oħra akkużati miegħu għalkemm kien hemm 21 raġel ieħor li qatt ma kienu identifikati. L-akkużati kważi kollha kienu jgħixu fil-viċinanzi ta’ Mazan, il-lokal fejn kienu jabitaw il-koppja Pelicot. Dawn kienu jinkludu pumpiera, sewwieqa tat-trakkijiet, suldati kif ukoll ġurnalist u DJ.