Il-Membru tal-Parlament Ewropew, David Casa, fi Brussell reġa’ qal li s-sitwazzjoni f’Malta sejra mill-ħażin għall-agħar.
Fi stqarrija tal-Partit Popolari Ewropew, bil-firma ta’ David Casa u li fiha ntqal li ntalab dibattitu dwar Malta fil-Parlament Ewropew, huwa reġa’ żamm mal-istil tal-imgħoddi li jagħmel l-ikbar sforz li jista’ biex ipinġi l-agħar stampa possibbli ta’ pajjiżu.
Saħansitra, f’perjodu fejn il-Gvern kompla jippubblika liġijiet bil-għan li jsaħħaħ id-demokrazija, fosthom il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu, David Casa qal li “kullħadd jaf li s-saltna tad-Dritt f’Malta hija mhedda”.
Anke jekk fl-aħħar xhur, b’rabta mas-saltna tad-Dritt, Malta kellha rapporti pożittivi mill-FATF, mill-MoneyVal, mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Kummissjoni Venezja, u mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, David Casa qed jinsisti li huwa “importanti li l-Unjoni Ewropea żżomm għajnejha fuq l-istatus ta’ Malta bħala demokrazija.”
Din mhix l-ewwel darba li Casa għamel dawn it-tip ta’ kampanji fuq Malta. Biex jagħmel dan din id-darba qed juża l-ħames anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li dwaru hemm għadd ta’ persuni li qed jaffaċċjaw il-ġustizzja.
Kull darba li Casa jħoss pressjoni interna fil-Partit Nazzjonalista li tista’ thedded postu, dan l-attakk fuq Malta jiżdied. Fl-istess ħin jibqa’ fommu mitbuq dwar sitwazzjonijiet mill-iktar serji f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.