Matul il-jum tas-Sibt, il-kamp tal-oppożizzjoni f’Hong Kong qed jagħmel elezzjonijiet primarji sabiex jintagħżlu l-kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Leġiżlattiv li se ssir fis-6 ta’ Settembru li ġej.
Dawn l-elezzjonijiet qed isiru ġimagħtejn wara li ċ-Ċina imponiet leġislazzjoni li qajmet kontroversja f’Hong Kong dwar is-sigurtà nazzjonali fir-reġjun.
L-attivist favur id-demokrazija Joshua Wong qal illi l-elezzjoni tal-lum hija l-ewwel ċans fejn Hong Kong tista’ turi illi hija mhix se tbaxxi rasha għaċ-Ċina.
Minkejja li din l-elezzjoni qed issir għall-kamp tal-oppożizzjoni biss, osservaturi politiċi se jkun qed isegwu mill-qrib din l-elezzjonili, għaliex se tkun qed isservi bħala test deċiżiv għall-oppożizzjoni f’dan il-mument ta’ tensjoni. Dan għaliex, jekk l-Oppożizzjoni tikseb maġġoarnza ta’ aktar minn 35 siġġu, ikun ifisser li jkollhom poter biex jibblokkaw proposti tal-gvern.