Ir-reġistru Marittimu Malti baqa’ jżomm il-quċċata fost ir-reġitri tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. B’kollox bħalissa hawn aktar minn 9,000 bastiment li qed itajjar il-bandiera Maltija. Bejniethom dawn il-bastimenti għandhom piż gross ta’madwar 77miljun tunnellata.
Dan qalu l-Ministru Ian Borg waqt id-diskors tal-ftuħ tal-Malta Maritime Summit fejn matulu l-Ministru għat-Trasport, enfasiżża dwar l-importanza tas-settur għall-ekonomija Maltija.
Borg spjega kif sa mill-qedem is-settur marittimu kien importanti ħafna għal Malta madankollu l-Ministru Borg fakkar kif dawn in-numri kważi rduppjaw minn ħames snin ilu l-hawn.
Il-Ministru spjega wkoll kif il-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta minn dejjem kienet fattur importanti għal pajjiżna.
“Il-pożizzjoni ġeografika tagħha hija kruċjali. naħseb li tradizzjonalment irnexxielhom dawk ta’ qabilna il-gvernijiet rispettivi. Bnew reputazzjoni u rnexxielhom jibnu figura fis-settur minn madwar id-dinja kollha u allura tajjeb li nkomplu nsostnu u nosservaw dawk il-kuntatti ħalli din l-industrija tkompli tifjoruxxi”.
L-organizzatur tal-Malta Maritime Summit ukoll saħaq dwar l-importanza tas-settur għal Malta. Huwa spjega kif diversi esponenti għoljin kif ukoll Ministri barranin minn madwar id-dinja minn dejjem ħarsu lejn Malta b’ammirazzjoni.
“Malta fis-settur marittiu llum hija one of the major players. Ma tistax tibqa’ ħaġa lokali u b’hekk għamilna din il-pjattaforma fejn minnha qegħdin nuru l-kapaċità u l-kompetenza ta’ malta fis-settur marittimu internazzjonali. Din hija konferenza internazzjonali li qiegħda ssir Malta.”
Maistre spjega wkoll kif matul dan is-summit ta’ erbgħa t’ijiem mistenni jiġu diskussi diversi materji importanti fosthom il-Valletta Decleration li ġiet imnedija waqt il-Presidenza Maltija għall-Unjoni Ewropea.