Fl-aħħar ħames snin, in-nisa jaħdmu żdiedu bi kważi għaxra fil-mija.
Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, l-NCPE.
Skont dan ir-rapport, 66.2% tan-nisa f’Malta kienu qed jaħdmu matul is-sena li għaddiet.
Din hija żieda ta’ 1.6% fuq is-sena ta’ qabel, meta faqqgħet il-pandemija.
Ir-rata ta’ nisa jaħdmu fl-2016 kienet ta’ 56.6%. Meta mqabbel mas-sena li għaddiet, din turi żieda ta’ 9.6%.
Il-Kummissarju tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Renee Laiviera, semmiet kif iż-żieda tan-nisa fuq il-post xogħol hija riżultat ta’ diversi miżuri tal-Gvern, bħall-in-work benefit u ċ-childcare bla ħlas.
Waqt il-Konferenza Annwali tal-NCPE, il-Ministru għall-Ugwaljanza, Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari fi ħdan l-istess Ministeru, Rebecca Buttigieg, semmew diversi inizjattivi li ħa l-Gvern biex jissaħħu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd.
Intant, waqt l-istess konferenza, dsatax-il organizzazzjoni ġew iċċertifikati bil-Marka tal-Ugwaljanza tal-NCPE għall-ewwel darba, waqt li sebgħa u tletin organizzazzjoni ġew iċċertifikati mill-ġdid bħala konferma tal-impenn tagħhom lejn l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol.