Waqt intervista fuq il-programm ‘Bil-Fatti’ fuq ONE il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela tkellem dwar il-ħames snin bħala Prim Ministru ta’ Malta u sostna li l-iktar ħaġa li żammietu għaddej, minkejja l-isfidi li dan il-pajjiż affaċċja, kienet li dejjem ħass il-polz tal-poplu.
Dan b’ħemel ta’ deċiżjonijiet li dan il-Gvern ħa favur kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi, fosthom miżuri multi-muljinarji bħall-mekkaniżmu għall-għoli tal-ħajja u sussidji fuq l-enerġija, u hawnhekk Dr Abela aċċenna li dan ħa jkompli sakemm ir-rata tal-għoli tal-ħajja terġa’ tiġi b’rata stabbli.
Hawnhekk il-Prim Ministru fakkar fil-miżuri taċ-children’s allowance, iż-żieda fil-pensjonijiet u €140 miljun li se jibqgħu fi bwiet in-nies riżultat tat-tax cuts.
Sadanittant, il-Prim Ministru sostna li l-fokus primarju tal-Gvern għal din is-sena hija li pajjiżna jibqa’ jkollu ekonomija b’saħħitha.
“Għall-ewwel darba dan il-pajjiż jixraqlu li jkollu viżjoni li tħares ħafna fit-tul. Rajna l-2050, target intermedjarju huwa l-2035 imbagħad it-target finali jkun l-2050, 25 sena oħra. Għandna ditta ta’ esperti li diġa għamlet xogħol f’diversi pajjiżi li qiegħda fi stadju avvanzat u nemmen li din il-policy trid tkun waħda li ġġib l-istakeholders kollha flimkien, il-labor migration policy, tgħaqqad id-diversi setturi li fihom jaħdem pajjiżna, l-enerġija, is-saħħa, is-suq tax-xogħol u ġġin sinerġija flimkien fejn qegħdin illum, fejn irridu nkunu għaxar snin oħra, fejn irridu nkunu ħamsa u għoxrin sena oħra.
Mistoqsi dwar ir-riforma dwar l-inkjesti maġisterjali, il-Prim Ministru sostna li l-ħtieġa tar-riforma kienet meħtieġa minħabba diversi abbużi li qed isiru fis-sistema tal-ġudikatura.
Hawnhekk semma kif il-Partit Nazzjonalista sar speċjalista tal-gideb biex isawwat persuna għaliex sempliċiment ma taqbilx miegħu u qed jiġu affaċċjati b’kkużi inġusti u ma jkollhomx ċans jiddefendu lilhom infushom.
“B’din ir-riforma li se nagħmlu, li nittama li ħadd ma jipprova jdawwarha kif għamlu fil-jiem li għaddew bħala xi riforma li rridu nnaqsu l-aċċess għall-ġustizzja. Din hi riforma oħra fejn se nuru li l-aċċess għall-ġustizzja se nkomplu nsaħħuħ, b’approach li jkun wieħed ħolistiku li jirrispetta d-drittijiet ta’ kulħadd u fuq kollox jiżgura li ħadd ma jabbuża aktar mill-għodod tal-ġustizzja imma li ssir il-ġustizzja sħiħa u vera.”
Il-Prim Ministru qal li l-ġimgħa d-dieħla ser jitħabbar il-proġett tar-Riġenerazzjoni tal-Promenade ta’ Birżebbuġa li se jara ħames proġetti flimkien, bi spazji miftuħa riġenerati u oħrajn ġodda. Fakkar kif kien Gvern Laburista li neħħa t-tankijiet għall-ħażna tal-fjuwil minn din il-lokalità. Temm jgħid li hemm pjani simili oħrajn fosthom għall-Marsa li mistenni wkoll jiġi riġenerat.
“Il-ġimgħa d-dieħla se mmorru nniedu l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Promenade ta’ Birżebbuġa se jkun hemm Chris Bonett u Omar Farrugia. Huwa d-distrett li nikkontesta jien ukoll fih. Birżebbuġa ħaqqha li nagħmlulha dan il-proġett sabiħ tal-Promenade, jixraq lil din il-lokalità bellezza u nistgħu nġibuh iktar sabiħ u ħafna iktar proġetti in the pipeline. Spazji pubbliċi ġodda, dsatax li se nkunu qed iniedu li huma sostanzjali bħala daqs jiġifieri hemm sensiela ta’ ħidma għaddejja.”