Bosta għadhom jgħożżu t-tradizzjoni li jduru l-ibliet u l-irħula jaraw il-presepji varji. Din is-sena dawk li għandhom din it-tradizzjoni għal qalbhom f’Ħal Luqa, jistgħu japprezzaw l-akbar presepju privat li jinsab għall-wiri.
Il-presepju jkejjel 22 metru li jirrakkonta storja viżiva u interattiva tat-twelid ta’ Ġesu Bambin. M’hemmx roqgħa li ma fihiex dettall, mill-mod ta’ kif inhu maħdum il-presepju għall-ħajja li tikaratterizza x-xena u li tmur lura aktar minn elfejn sena.
ONE News tkellem mal-presipist Sandro Farrugia, li ilu mill-2019 jaħdem fuq din l-idea.
“Jien għaddej is-sena kollha ma niqafx, dejjem naħdem għall-Milied. Imma dan il-presepju, ilu ġo moħħi li nagħmel presepju, tidħol fih imma mhux just inti dħalt ġo fih il-presepju, il-presepju tidħol fih u tħossok parti mill-presepju.”
Iżda, Sandro ilu sa minn ċkunitu jaħdem il-presepju flimkien ma’ missieru, Baskal. Fil-fatt kien hu li għaddielu din is-sengħa.
Kienet ix-xewqa ta’ Sandro li jaħdem presepju artistiku ta’ dan il-kobor ma’ missieru, iżda, b’xorti ħażina din ma saritx.
Missier Sandro, Baskal, ilu għoxrin sena li ħalla din id-dinja, u minkejja li dejjem kien irrapreżentat fin-numru ta’ presepji li ħadem Sandro matul is-snin, din is-sena għandu preżenza xierqa fil-presepju b’pastur fil-grotta fejn twieled il-Bambin.
Sandro qal kif l-artist Frans Muscat, li ħadimlu l-pasturi kollha f’dan il-presepju, naqqax il-karatteristiċi li kellu Baskal.
“Meta tajtu r-ritratt, qalli jien ma nafux, għedtlu Frans ipprova u meta bagħatli r-ritratt, kien għadu tafal, jien qalbi żgħira u nfqajt nibki. Din is-sena jinsab fil-presepju, il-grotta għamiltha forma ta’ broken heart, fil-fatt minn ġol-grotta nieżel l-ilma l huwa d-dmugħ li tlift lil missieri u baqa’ ġo qalbi.”
Sandro qalilna li biex seta’ jsir dan il-presepju kellu l-għajnuna ta’ martu Maria u l-ħabib tiegħu Rodney; iżda spjega wkoll it-tifsira li għandha l-preżenza ta’ missieru ta’ meta jaħres lejn ir-ritratt tiegħu jitolbu jgħinnu.
“Inħoss dik ix-xi ħaġa illi apparti li nkun waħdi hawn fil-garaxx qisni nħoss dik il-preżenza għax ix-xogħol iħabbat lil kulħadd, mhux jiena biss, imma ngħidlu ‘għinni naqra’, nintefa; bilqiegħda wara żewġ minuti tiġini dik l-idea u mmur u li nkun ilni naħdem siegħa biex nagħmilha, f’żewġ minuti mbgħad nasal on the spot.”
Sandro temm jgħid li għas-sena d-dieħla għandu aspirazzjoni oħra, dik li jkabbar il-presepju u jibqa’ armat is-sena kollha.