Il-Festival tal-Mużika tas-snin 80 u 90 ser isir f’Ħal Kirkop nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Lulju 2023.
Organizzat għas-sitt darba minn K Music Events, sotto-kumitat mal-Każin tal-Banda San Leonardu, il-festival għandu l-għan li jlaqqa’ dilettanti tal-mużika minn kull qasam tal-ħajja b’appoġġ għall-Fondazzjoni Inspire.
Fost l-artisti ewlenin, se jkun hemm waħda mill-akbar tribute bands ta’ Modern Talking li daqqet f’kontinenti differenti madwar id-dinja: Modern Talking Reloaded.
Il-Festival tal-Mużika tas-snin 80 u 90 se jkun esperjenza indimentikabbli għal dawk li jattendu filwaqt li jinġabru fondi u jitkattar għarfien tax-xogħol imprezzabbli li twettaq il-Fondazzjoni Inspire. B’enfasi fuq l-inklussività u l-aċċessibbiltà, il-festival se jkun qed joħloq ambjent fejn kulħadd jista’ jingħaqad u jgawdi l-maġija tal-mużika live, fosthom ta’ Alex Reflex Grech, Sue Mifsud u Renato Vella.
Il-Fondazzjoni Inspire ilha tbiddel il-ħajjiet sa mit-twaqqif tagħha fl-2009. L-organizzazzjoni taħdem bla heda biex tagħti s-setgħa lill-individwi b’diżabilità u tipprovdilhom opportunitajiet biex jirnexxu f’diversi aspetti ta’ ħajjithom. Permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ programmi u servizzi, Inspire Foundation trawwem l-indipendenza, l-edukazzjoni, u l-integrazzjoni soċjali, u tiżgura li individwi b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajja sodisfaċenti u sinifikanti.
Filwaqt li d-dħul għall-Festival tal-Mużika tas-snin 80 u 90 huwa b’xejn, se tinġabar donazzjoni għall-Fondazzjoni Inspire.