Sebgħin fil-mija tal-pazjenti li jirfsu l-għatba tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, imorru minn jeddhom u mingħajr ebda riferta jew rakkomandazzjoni tat-tabib personali.
Qal dan iċ-Chairperson ta’ dan id-Dipartiment, Patrick Farrugia, meta t-Tlieta filgħodu ddiskuta l-ħidma li ssir fl-Emerġenza fuq ONE Breakfast.
Meta tkellem dwar ċifri, spjega kif fil-jiem xitwin, f’ġurnata li sejħilha bħala ‘kwieta’ jidħlu medja ta’ mitejn u tletin pazjent.
F’ġurnata ‘medja’, imorru l-Emerġenza mitejn u sebgħin pazjent, filwaqt li f’ġurnata ‘bieżla’ ġieli marru mat-tliet mija u tletin pazjent.
Dawn iċ-ċifri jeskludu t-tfal u nies bi problemi f’għajnejhom jew ta’ ENT – jiġifieri l-widnejn, l-imnieħer u l-griżmejn.
“Sebgħin fil-mija ta’ dawn in-nies jiġu minn jeddhom, ma jkunux riferuti. Bejn għoxrin u tletin fil-mija biss tal-pazjenti jkunu għaddew minn servizz ieħor, bħal tal-Kura Primarja jew tat-tabib privat tagħhom.”
Iċ-Chairperson tad-Dipartiment saħaq li l-Emerġenza mhix Ċentru tas-Saħħa u għandhom imorru biss dawk li jkunu f’kundizzjoni gravi.
“Jekk il-kundizzjoni hi gravi, għandu sintomi ta’ puplesija, uġigħ kbir f’sidru, dawk iridu jiġu mill-ewwel fl-Emerġenza, għax ovvjament iktar kemm jiġi kmieni, aktar nistgħu ngħinuh. Nies li għandhom kundizzjonijiet li mhumiex ta’ periklu għal ħajjithom għandhom ifittxu l-għajnuna fil-Kura Primarja – issa jekk hux it-tabib tagħhom jew inkella fiċ-Ċentru tas-Saħħa.”
Hu spjega kif, għal kull każ, jintużaw ħafna riżorsi.
“Ċerti każi li huma gravi ħafna, dawn ġieli jintużaw tliet tobba u żewġ nurses f’daqqa ma’ pazjent wieħed, jiġifieri dawn inkunu ħadnihom minn partijiet oħrajn tad-Dipartiment. Ġieli, mhux rari, ikolli tliet każi bħal dawn għaddejjin f’daqqa, jiġifieri f’dik is-siegħa jkollok mill-inqas sitt tobba u tlieta jew erba’ nurses jaħdmu fuq dawn it-tliet pazjenti biss.”
Dan id-Dipartiment hu mmexxi minn tobba u infermieri speċjalizzati, li jkunu għamlu snin ta’ taħriġ lil hinn mill-istudji mediċi.
“Wara li tilħaq tabib, hemm mill-inqas sitta u seba’ snin biex issir speċjalist fl-Emerġenza, u nurses ukoll għandhom numru ta’ snin qabel jitħallew joħorġu fuq ambulanza, għax ovvjament ix-xogħol hu partikolari ħafna, allura r-riżorsi li għandna rridu nużawhom għal min għandu bżonn l-ewwel.”
Għaldaqstant, l-appell hu biex min iħoss xi uġigħ, sakemm ma jkunx gravi, imur f’ċentru tas-saħħa jew għand it-tabib tiegħu qabel ma jaqbad u jmur l-Emerġenza, speċjalment għax il-Gvern, fl-aħħar snin, investa sew u qed ikompli jinvesti fil-kura primarja, biex iċ-ċittadin jinqeda bl-aħjar mod, u viċin fejn jaħdem jew jgħix.