Kważi tliet mija u wieħed u ħamsin elf turist żaru pajjiżna fix-xahar ta’ Ġunju, ċifra li wasslet biex fl-ewwel nofs ta’ din is-sena ġew irreġistrati aktar minn miljun u nofs barrani li waslu hawn għal skop ta’ vaganza jew xogħol. L-infiq totali tagħhom bejn Jannar u Ġunju li għaddew ukoll laħħaq il-1.3 biljun ewro.
L-ammont għal Ġunju fisser żieda ta’ 19.2% fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra, li kienet l-aktar sena li rreġistrat turisti fl-istorja ta’ pajjiżna.
Dan tħabbar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fl-aħħar rapport li ppubblika f’dan ir-rigward.
L-istħarriġ juri li 325,940 turist żaru Malta fuq btala, waqt li 13,333 ġew għal skopijiet ta’ xogħol.
L-aktar turisti li żaru Malta kienu ġejjin mis-suq Britanniku, segwit minn dawk tal-Italja u ta’ Franza, li flimkien ammontaw għal sitta u erbgħin punt erbgħa fil-mija min-numru kollu f’Ġunju.
L-għadd tal-iljieli li dawn għamlu f’pajjiżna telaʼ bi tmintax punt tnejn fil-mija, l-aktar fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija, meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel.
F’Ġunju li għadda, anke n-nefqa sħiħa tat-turisti kibret u laħqet it-333.7 miljun ewro, li tfisser żieda taʼ16.5% fuq sena qabel. L-infiq medju għal kull turist kull ġurnata kien stmat għal 145 ewro.
It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm jekk għal ġurnata jew għal iżjed minn hekk, ammontaw għal ftit aktar minn mitejn u tmintax-il elf.
L-akbar għadd ta’ turisti jew iżjed minn erbgħin fil-mija kellhom bejn il-25 u l-44 sena, segwiti minn dawk ta’ bejn il-45 u l-64 sena, li kienu jgħoddu għal kważi sebgħa u għoxrin fil-mija.