Fil-Belt Valletta se ssir it-tieni edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival bejn it-22 sat-30 ta’ Ġunju bit-tema ‘Unity through Film’.
Dan il-festival se jwassal numru ta’ films internazzjonali, biex jgħaqqad il-kulturi, u jrawwem il-kreattività.
Fl-istess waqt ikompli jagħti pjattaforma lill-aqwa xogħlijiet għaċ-ċinema Mediterranja u lil hinn.
Il-qofol tal-festival jintlaħaq bil-films li se jipparteċipaw fil-kompetizzjoni li se jiġu evalwati bir-reqqa minn individwi magħrufa fil-qasam kreattiv internazzjonali. Il-ġurija, li ser tkun magħmula minn disa’ individwi minn diversi oqsma tal-industrija, tixhed l-impenn tal-festival lejn l-eċċellenza u d-diversità.
Il-ġurija ser tagħżel lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni ewlenija, li jitħabbru fiċ-ċerimonja tal-Golden Bee Awards fit-30 ta’ Ġunju.
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li wara s-suċċess li kiseb pajjiżna, fl-ewwel edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival, din is-sena qed ikollna aktar parteċipazzjoni mill-pajjiżi tal-Mediterran. Il-festival se jkompli jwettaq l-pjan sabiex ikunu attirati aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna u tkompli tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta globalment.
Il-Mediterrane Film Festival huwa vetrina ta’ films eċċezzjonali mir-reġjun u jservi bħala pjattaforma għall-produtturi tal-films, professjonisti tal-industrija, u dilettanti biex jingħaqdu, jaqsmu ideat, u joħolqu sħubija għal proġetti fil-ġejjieni.