Għall-ewwel darba, f’Malta se jsir il-Mediterrane Film Festival, li mistenni jkompli jsaħħaħ l-industrija tal-films f’pajjiżna u fl-istess ħin jattira aktar proġetti.
Il-festival, li se jsir bejn il-25 u t-30 ta’ Ġunju, se jara l-kollaborazzjoni kreattiva u artistika bejn disa’ pajjiżi: Malta, l-Italja, Spanja, il-Portugall, il-Greċja, Ċipru, is-Slovenja, u l-Kroazja.
L-avveniment se jsir fil-Belt Valletta u f’lokalitajiet oħra madwar il-pajjiż, fejn mistennija jattendu bosta produtturi u diretturi tal-films barranin u rappreżentanti mill-Mediterranean Film Commission, tl-British Film Commission, u minn Hollywood Studios.
F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li l-Kummissjoni tal-Films f’Malta se tkun qed tinvesti nofs miljun ewro għall-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex tqanqal interess fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. L-ewwel inizjattiva, bl-isem ta’ ‘It’s Time for Movies’, se tkun f’forma ta’ Summer Camp għat-tfal ta’ bejn l-10 u 11-il sena.
Dwar dan, il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, tkellem fuq l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni u fuq kif il-festival mistenni jattira aktar xogħol lejn pajjiżna.
“L-investiment iġib aktar investiment, ix-xogħol iġib aktar xogħol u allura fil-Mediterrane Film Festival, se niffukaw biex inkompli nsaħħu l-industrija tal-films f’pajjiżna. Nemmen li se tkun pjattaforma biex nattiraw aktar xogħol lejn pajjiżna u naraw li wliedna jkollhom futur aħjar f’din l-industrija.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, tkellem dwar inizjattiva oħra, bl-isem ta’ MaltaCreate, did-darba mmirata għal dawk imħajra sabiex jidħlu f’din l-industrija.
“Qegħdin nagħmlu wkoll pledges sabiex inkomplu nsaħħu l-edukazzjoni għat-tfal tagħna fejn tidħol l-industrija tal-films, kif ukoll nagħtu iżjed inċentivi għal persuni ġodda li jridu jidħlu f’din l-industrija hekk interessanti u importanti għal pajjiżna. Se jkun hemm fond ta’ mitt elf ewro biex jgħin lil dawn in-newcomers biex b’hekk naraw li din verament tkun l-industrija li toffri opportunitajiet lil kulħadd.”
Il-Ministru fakkar li s-sena l-oħra kienet sena rekord għad-dinja tal-films fil-gżejjer Maltin, hekk kif daħlu ’l fuq ħamsa u tmenin miljun ewro fl-ekonomija minn erbgħa u għoxrin produzzjoni li saru f’pajjiżna matul is-sena.
Ritratt: aftt.edu.au