L-għotja tal-għaxart elef ewro fuq għaxar snin għal dawk li xtraw darhom is-sena l-oħra se tibda titqassam minn Ġunju li ġej.
L-Awtorità tad-Djar diġà rċeviet madwar 2,500 applikazzjoni dwar din il-miżura minn Frar li għadda meta din il-miżura kienet imnedija.
Din il-miżura tapplika wkoll għal dawk il-propjetajiet li nxtraw matul is-sena li għaddiet bl-applikazzjoni għand l-Awtorità tad-Djar sal-aħħar ta’ Mejju.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, stqarr kif dawn il-miżuri jduru kollha mat-titjib tal-kwalità tal-ħajja.
Huwa nnota kif din l-għotja intlaqgħet tajjeb ferm minn mijiet ta’ persuni li kkonkorrew għaliha mingħand l-Awtorità tad-Djar.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli nnota li 80% tal-Maltin huma sidien ta’ djarhom. Minkejja dan, xorta hawn sfidi fis-settur tal-akkomodazzjoni. B’hekk, il-Gvern qiegħed ikompli jimplimenta miżuri soċjali b’saħħithom.